Hekk kif kompliet il-kawża fil-konfront ta’ Erin Tanti, Marisa Gallo u Josie Muscat, sid l-Isptar St James, fil-Qorti nstema li qatt ma kienet ġiet sottomessa applikazzjoni uffiċjali lill-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijuni (APE) biex Erin Tanti u s-sieħba tiegħu Marisa Gallio jkollhom wild permezz tal-IVF.
Tant bħalissa qiegħed jiskonta sentenza ta’ 20 sena ħabs wara li nstab ħati bil-qtil ta’ Lisa Maria Zahra.
It-tlett imputati li qegħdin iwieġbu mhux ħatja qegħdin jiffaċċha akkużi li wettqu prokreazzjoni medika assistita mingħajr awtorizzazzjoni, wara li Gallo ħarġet tqila waqt li Tanti kien għadu l-ħabs. Huma wieġbu mhux ħatja wkoll li trasferew ċelloli mill-ħabs mingħajr il-permess meħtieġ.
Il-Kap Eżekuttiv tal-APE, Simone Attard, xehdet fil-Qorti u spjegat ir-rwol tal-awtorità bħala l-unika regolatur tat-teknoloġiji ta’ riproduzzjoni assistita f’Malta. Hija spjegat li għal xi ħadd ikun eliġibbli għal trattament bħal IVF jew inseminazzjoni intrauterina (IUI), trid tkun teżisti problema ta’ infertilità u wieħed irid ikun ilu jipprova jkollu tarbija għal mill-inqas 12-il xahar. Kull pass fil-proċess irid ikun awtorizzat mill-awtorità u kull klinika jew sptar li jipprovdi dawn is-servizzi għandu obbligu li jżomm reġistru dettaljat.
Xehded li Marisa Gallo qatt ma kienet irreġistrata bħala persuna li ekllha tirċievi dan it-trattament kif ukoll lanqas biss saret talba biex jibda l-proċess tal-IVF.
Simone Attard qalet li l-unika kuntatt li kellha mal-imputata kien permezz ta’ email fejn kienet staqsiet dwar il-legalità tal-proċeduri meta l-partner ikun il-ħabs, u talbet informazzjoni dettaljata dwar IVF f’dak il-kuntest.
Wara li l-bord tal-awtorità rrefera l-każ lil Attard kienet saret laqgħa magħha fis-27 ta’ Ġunju tal-2024 biex l-awtorità jkollha aktar informazzjoni.
F’dik il-laqgħa, Gallo ngħatat informazzjoni dwar il-protokolli legali u mediċi, inkluż il-fatt li wieħed għandu jkollu relazzjoni sesswali mhux protetta qabel ma jista’ jaċċessa trattament bħal dan. Kien spjegat ukoll li hemm rekwiżiti dwar il-protezzjoni tal-benesseri tat-tfal li jitwieldu minn dawn il-proċeduri.
Attard qalet li kienet informat lil Gallo li hi ma kinitx eliġibbli għal IVF għax ma kien hemm l-ebda raġuni valida. Din l-informazzjoni ġiet ikkonfermata wkoll fi korrispondenza elettronika uffiċjali mibgħuta lil Gallo f’Settembru tas-sena li għaddiet.
Attard temmet ix-xhieda tagħha billi kkonfermat li Josie Muscat applika għal awtorizzazzjoni għal 659 każ ta’ IVF u 26 każ ta’ IUI matul is-snin.
Il-kawża qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana. L-Ispetturi Lydon Zammit u Stephen Gulia qed imexxu l-prosekuzzjoni. L-avukati Jason Azzopardi, Joseph Bugeja u Nicolai Bugeja qed jassistu lil Josie Muscat, filwaqt li l-avukati Franco Debono u Matthew Xuereb qed jiddefendu lil Erin Tanti u Marisa Gallo.