Is-Sindku tal-Marsa, Josef Azzopardi, ikkonferma li ma seħħ l-ebda att vandalu fuq l-istatwa ta’ Lourdes fil-Marsa. Dan wara li fl-aħħar sigħat ġriet l-aħbar fuq il-midja soċjali li din l-istatwa ġiet vandalizzata.

Huwa spjega li wara li ġiet iċċekkjata s-CCTV mill-pulizija rriżulta li persuna devota kienet qed titlob quddiem l-istatwa u hekk kif marret tgħannaq lil Santa Bernardina, inqala’ wiċċha u b’konsegwenza t’hekk waqa’ u nkiser. Irriżulta wkoll li wiċċ l-istatwa kien diġà msewwi qabel, għalhekk kien fraġli u nkiser malajr.
Is-Sindku Azzopardi rringrazzja lil Ġużi Vella, il-familjari tiegħu u lil kull min jgħin biex jieħdu ħsieb l-istatwa ta’ Lourdes b’tant għożża.