Thursday, August 28, 2025

‘Ma’ St Georges FC sibt it-tieni familja tiegħi’ – Owen Galea

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn ta’ etá żgħira ħafna għaliex ta’ tliet snien kont diġá bdejt nittrenja l-futbol ma-Nursery ta’ Zabbar St Patrick.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ St George’s FC.

Ma’ St Georges FC sibt it-tieni familja tiegħi, speċjalment matul l-aħħar staġun, fejn konna tim magħqud ħafna, u nemmen li b’hekk ksibna riżultati tajbin.

Kif qed tħarsu lejn l-istaġun li ġej?

Bażikament, aħna ħa nipprovaw insaħħu fuq li għamilna s-sena l-oħra u niġġieldu biex niksbu l-promozzjoni li ma ħadniex is-sena l-oħra. Il-kumitat qiegħed jagħmel li jista’ biex ikollna tim aktar b’saħħtu, imbagħad ovvjament sta għalina li nuruha ġewwa l-grawnd!

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Edmond Lufi?

Lill-kowċ Edmond Lufi nixtieq nirringrazzjah ħafna għax emmen ħafna fija mill-bidu u huwa kien parti kbira mid-deċiżjoni li ħadt biex nibqa’ nimmilita ma’ St Georges FC.

U fuq l-andament tat-tim matul l-aħħar staġun?

Kif diġá tkellimt is-sena l-oħra konna tim magħqud u għalkemm ma ksibniex il-promozzjoni li nemmen li kien ħaqqna, xorta waħda kellna staġun pożittiv.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent? U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Il-livell tal-futbol Malti naħseb dejjem miexi ‘l quddiem. Bħala grawnds nemmen li dejjem hemm fejn nistgħu nagħmlu titjib.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Ifhem, bħalissa qed inħares lejn l-istaġun li ġej u jalla jkun wieħed pożittiv bħal kif kien l-aħħar wieħed. Nimxu pass pass u dejjem inżommu saqajna mal-art!

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Kull min jixtieq jagħmel karriera fil-futbol, l-importanti hu li jkun qiegħed jieħu gost u dejjem iżomm daħka fuq wiċċu, u ovvjament trid tistinka u taħdem għax mhux faċli peró jekk tkun trid il-ħaġa tagħmilha!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport