Friday, February 21, 2025

Ma’ Swieqi United FC, inħossni kuntenta ferm li ninsab imdawra bi grupp ta’ plejers u kowcis dedikati ħafna – Emma Xuereb

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol kienet hemm minn dejjem, minn meta kont kapaċi nżomm fuq saqajja u naqbad ballun f’idi. Kont nara lil ħuti s-subien jilagħbu mat-tim tagħhom. Niftakarni ta’ etá żgħira mmur nsegwi sessjonijiet ta’ taħrig kif ukoll il-logħob. Konna wkoll inqumu kmieni filgħodu apposta biex nilħqu nilagħbu logħba fil-grawnd tal-iskola qabel jibdew il-lezzjonijiet. Filgħaxija imbagħad tarana barra nilagħbu mat-tfal tal-ġirien fit-triq.

Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek ma’ Swieqi United FC sa issa.

L-esperjenza ma’ Swieqi United FC dan l-istaġun hija waħda pożittiva ferm. Ma’ dan it-tim, inħossni kuntenta ferm li ninsab imdawra bi grupp ta’ plejers u kowcis dedikati ħafna. Kull plejer jattendi għat-taħriġ u bħala tim dejjem nagħmlu l-almu kollu tagħna biex nirnexxu f’kull logħba li jkollna. Swieqi huwa klabb li jieħu ħsieb il-plejers tiegħu u l-kumitat jaħdem bis-sħiħ biex jara li jżommna kuntenti u jieħu ħsieb il-bżonnijiet tagħna bħala tim.

U dik mat-tim nazzjonali Malti tan-nisa.

L-esperjenza mat-tim nazzjonal hija wkoll waħda tajba hafna. Bħala tim, kull sessjoni ta’ taħriġ hija intensiva ħafna u l-isfidi hemm ma jonqsux . L-intensitá tat-taħriġ hija qawwija u dan ovvjament iservi biex aħna l-plejers dejjem inkunu aħjar. Ninsabu eċitati ferm li ftit ġimgħat oħra nerġgħu nibdew esperjenza oħra fil-UEFA Women’s Nations League.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Manuela Tesse?

Il-kowc Manuela Tesse hija kowċ brava ħafna, li fl-opinjoni tiegħi dejjem tara kif se toħroġ il-potenzjal massimu ta’ kull plejer. Kif diġá semmejt, is-sessjonijiet ta’ taħriġ huma intensivi  u addattati skont il-bżonnijiet tat-tim. Ovvjament hija żżomm f’moħħha l-abilita’ tat-tim li nkunu se nilgħabu kontrih u tadatta l-istrateġija skont dan.

Kif tqis il-livell tal-futbol tan-nisa fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Il-livell tal-futbol tan-nisa f’pajjiżna qiegħed dejjem jitjieb matul is-snin. Il-fatt li llum il-ġurnata l-klabbs qegħdin jinvestu fit-timijiet tan-nisa billi jipprovdu faċilitajiet aħjar, staff  professjonali li jaf jagħraf il-bżonnijiet ta’ plejers nisa qed jgħin ħafna. Jien nara differenza kbira bejn iż-żmien li bdejt u dak tal-lum. Fil-passat lanqas biss kont toħlom li jkollok sempliċiment ‘physical preparator’ jew fiżjo-terapista li jiffurmaw parti mill-iskwadra femminili. Illum saret in-norma li persuni f’dawn il-karigi ikunu preżenti mat-tim. Dan jindika ċar illi l-futbol tan-nisa f’pajjiżna miexi ‘l quddiem. Il-fatt li qed jinġiebu aktar plejers minn barra minn xtutna, jgħin biex il-livell ikompli jitjieb Barra minn hekk, li jkollok plejers barranin, ta’ ċertu livell li jiffurmaw parti mill-iskwadra, jgħin bis-sħiħ sabiex it-taħriġ ikun aktar intensiv u ta’ ċertu livell, u dan żgur se jirrifletti fil-kompetizzjoni kbira li hemm fil-kampjonat, din is-sena.

U fuq il-livell tal-grawnds fejn tilagħbu l-logħob tagħkom?

Nemmen li qed isir sforz sabiex dawn dejjem ikunu ta’ livell aħjar meta kkomparat mas-snin ta’ qabel.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Illum li għandi 33 sena, bla ma trid tibda ssaqsi lilek innifsek kemm fadalli żmien nilgħab.  Minkejja dan, qed nagħmel l-almu tiegħi kollu biex nagħti i-mija fil-mija tiegħi fit-taħriġ ta’ kuljum, kemm jekk huwiex ma’ Swieqi u anke mat-tim nazzjonali. Ladarba niddeċiedi li nieqaf, niffoka iktar fuq il-karriera tiegħi bħala fiżjo-terapista u nipprova ngħin sabiex il-livell tal-futbol tan-nisa lokali jkompli miexi ‘l quddiem.

Għaddi messaġġ finali speċjalment lill-bniet u t-tfajliet li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Il-messaġġ tiegħi lil dawk il-bniet jew tfajliet li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-futbol hu li llum il-ġurnata huma fortunati mmens li hemm ħafna opportunitajiet, kemm lokalment u wisq iktar barra minn Malta,

Jien inħeġġiġhom biex qatt ma jaqtgħu qalbom, jaħdmu u jistinkaw u jisimgħu mill-kowċis tagħhom, ma jieħdu xejn ‘for granted’ u dejjem jippruvaw li jkunu mdawrin b’nies li jagħmlulhom kuraġġ u jgħinuhom sabiex jilħqu l-potenzjal massimu tagħhom fil-futbol.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport