Minn Cristian Muscat
Malta qed tiċċelebra mument storiku fl-isport wara li Matthew Mifsud, atleta ta’ 19-il sena, kiteb ismu fl-istorja tal-powerlifting Ewropew. Fil-European Junior Championships, Mifsud rebaħ midalja tad-deheb fl-isquat, u sar l-ewwel atleta Malti rġiel li qatt rebaħ titlu internazzjonali f’dan l-isport. Suċċess li mhux biss jimmarka pass importanti fil-karriera personali tiegħu, iżda wkoll jagħti spinta kbira lill-powerlifting Malti.
Il-Kampjonati Ewropej taż-żgħażagħ fil-kategorija Junior Classic Powerlifting saru f’Druskininkai, il-Litwanja, bejn it-28 ta’ Novembru u s-7 ta’ Diċembru, u ġabru flimkien 481 atleta minn 36 pajjiż differenti. F’dan l-avveniment ta’ livell għoli ħafna, Matthew Mifsud spikka b’wirja straordinarja li poġġiet lil Malta fuq il-mappa tal-powerlifting internazzjonali.
Hekk kif kien qed jikkompeti fil-kategorija tal-74 kilogramma (72.5kg bodyweight), Mifsud irnexxielu jerfa’ 260kg fl-isquat, lift li mhux biss wasslu għad-deheb iżda wkoll ikkonfermah bħala l-aqwa powerlifter Malti fil-kategorija maskili. Barra minn hekk, b’dan ir-riżultat sar ukoll l-ewwel Malti li qabeż il-100 GL points, kisba importanti ħafna fil-qasam tal-powerlifting.
Aħna tkellimna mal-istess Matthew Mifsud, żagħżugħ ferm determinat u b’objettivi ċari daqs il-kristall; dak li jkompli jtejjeb ir-riżultati tiegħu u jibni saħħa fiżika sabiex ikun dejjem aħjar.
“Meta rnexxieli nagħmel il-260 kilo kont eċċitat ħafna,” jirrakkonta Matthew. “Kont naf li kont f’forma tajba u kont kunfidenti, imma xorta waħda kien sorpriża kbira u mument li ma ninsewx. Ir-rebħ tad-deheb huwa s-sodisfazzjon l-akbar li ksibt s’issa.”
Fil-klassifika ġenerali tal-kompetizzjoni, Mifsud temm fis-sitt post, riżultat li juri kemm kien kompetittiv anke meta mqabbel ma’ lifters b’aktar esperjenza. Madankollu, l-attenzjoni kienet kollha fuq is-suċċess storiku tiegħu fl-isquat, suċċess li se jibqa’ msemmi bħala l-ewwel deheb Malti fil-powerlifting maskili fuq livell internazzjonali.
Matthew jispjega wkoll id-differenza bejn powerlifting u weightlifting, żewġ dixxiplini li ħafna drabi jiġu mħallta. “Fil-powerlifting għandek tliet lifts: l-isquat, il-bench press u d-deadlift, u l-enfasi hi fuq saħħa massima u ħafna teknika,” jgħid. “Il-weightlifting, min-naħa l-oħra, jinkludi l-kategoriji tal-isnatch u l-clean and jerk, u hu ħafna aktar intensiv.
Il-powerlifting hu aktar statiku u jrid perfezzjoni fil-moviment.”
Il-bidu tiegħu f’dan l-isport ma kienx wieħed ippjanat. “Bdejt f’Ġunju tal-2021, l-ewwel bil-deadlift,” jispjega. “Kont pjuttost irqiq u qatt ma immaġinajt li nasal fejn wasalt illum. Imbagħad sibt kowċ ġdid li emmen fija u bdejna naħdmu bis-serjetà. Minn hemm tista’ tgħid li kollox ġie waħdu.”
Minn dak il-mument ‘il quddiem, il-progress kien wieħed konsistenti. Matthew rnexxielu jikser sitt rekords differenti, u kull kompetizzjoni kompliet tibni l-kunfidenza tiegħu. Riċentement, dan kien it-tieni kampjonat internazzjonali tiegħu, esperjenza li jiddeskriviha bħala waħda ta’ tagħlim u maturità sportiva.
“Kompetizzjonijiet internazzjonali jgħallmuk ħafna,” jgħid. “Tara atleti ta’ livell għoli, titgħallem minn kif jaħdmu u tifhem aħjar x’għad trid tagħmel biex titjieb.” U l-kalendarju tiegħu tista’ tiġi diġà mimli: f’Settembru li ġej se jivvjaġġa lejn l-Afrika t’Isfel biex jikkompeti fil-World Championships, pass ieħor importanti fil-karriera tiegħu.
Meta jistaqsuh dwar il-mumenti li jibqgħu mnaqqxa f’moħħu, Matthew isemmi tnejn b’mod partikolari. “L-ewwel meta għamilt 100 kilogramm bench press, u t-tieni meta wasalt għall-200kg deadlift għall-ewwel darba. Dawk il-mumenti jfakkruk fis-sagrifiċċji kollha li tagħmel.”
Għalih, il-powerlifting mhux biss dwar lifts tqal, imma wkoll dwar stil ta’ ħajja. “Jekk trid tkun powerlifter tajjeb, trid taħdem fil-gym, tiekol tajjeb u tieħu ħsieb lilek innifsek. Inkella lanqas tħossok tajjeb biex tħarreġ,” jgħid. “It-teknika trid tkun kważi perfetta, u mbagħad trid tibni fuqha biex ittella’ l-livell.”
U x’inhuma l-ħolm tiegħu għall-futur? Matthew ma jaħbix l-ambizzjoni tiegħu. “Nixtieq ħafna li xi darba nsir champion tad-dinja bħal kull atleta li jikkompeti,” jistqarr. “Imma naf li għad hemm ħafna xogħol xi jsir. Għandi bżonn intejjeb l-isquat u d-deadlift tiegħi, u dan kollu jfisser ħafna taħriġ u sagrifiċċji oħra.”
Minkejja s-suċċess, Matthew Mifsud jibqa’ b’saqajh mal-art. “Ma tantx niċċelebra bil-kliem,” jgħid b’umiltà. “Niċċelebra meta nkun qed nagħmel ix-xogħol. Nemmen ħafna fil-fatti. Ir-riżultati jiġu wara.”
Finalment hu jgħid li dejjem lest jagħmel li jista’ sabiex is-saħħa ta’ ġismu jieħu dak li jista’ minnha u sa ċertu punt, issa qed jidra sew iżid il-piż li jerfa’ għax jagħmel dan pass pass sakemm jasal fil-limitu possibbli.
Bil-midalja tad-deheb Ewropea, il-260kg squat u rekord storiku għal Malta, Matthew Mifsud mhux biss qed jgħix ħolma personali, iżda qed jiftaħ bibien ġodda għall-powerlifting Malti. Ta’ 19-il sena biss, il-futur jidher wieħed mimli sfidi, xogħol u, jekk kollox jibqa’ miexi kif qed jimxi, aktar suċċessi internazzjonali li jagħmlu lil Malta aktar kburija bih.

