Il-mozzjoni li ressqet l-Oppożizzjoni li ssejjaħ għal inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia m’għaddietx b’40 vot kontra u 32 favur. Madankollu, il-mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni nhar il-Ħamis 6 ta’ Lulju, għaddiet kif emendata mill-Gvern.
Qabel ittieħed il-vot, kienet ippreżenta l-kontro-emenda mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech għall-emenda tal-Gvern fuq il-mozzjoni. Huwa ppreżenta wkoll petizzjoni li omm Sofia ġabret f’dawn l-aħħar jiem. Dr Grech qal li kienu nġabru aktar minn 20,000 firma fejn kollha kienu qegħdin jitolbu biex issir inkjesta pubblika.
L-ewwel vot li ttieħed kien dwar l-emenda kif imressqa mis-Segretarju Parlamentari u Whip tal-Gvern Andy Ellul, li għaddiet b’40 favur u 32 kontra. Wara saret votazzjoni fuq l-emenda kif imressqa mill-Kap tal-Oppożizzjoni għall-emenda tal-Onor. Ellul, li m’għaddietx bi 32 vot favur u 40 kontra.
Wara ttieħed vot fuq il-mozzjoni kif emendata bl-emenda mressqa mill-Gvern, li għaddiet b’40 vot favur 32 kontra. Sussegwentement, qam storbju fil-Parlament min-nies li kien hemm preżenti fl-Istrangers’ Gallery tant li l-Ispeaker kellu jissospendi s-seduta sakemm jinħarġu l-istess nies mill-bini tal-Parlament.