Sunday, February 23, 2025

“Ma tgħallimna xejn minn Egrant”

Aqra wkoll

Il-fazzjoni estremista tal-Partit Nazzjonalista, bl-għaqda Repubblika fuq quddiem nett, qed tiffaċċja kritika interna qawwija hekk kif issa qed joħroġ biċ-ċar għal kulħadd, inkluż għan-nies barra t-triq, li l-inkjesta tal-isptarijiet kienet instigata politikament u se tisfaxxa fix-xejn.

Il-kritika hija mmirata primarjament lejn l-aħwa Robert u Karol Aquilina. Bit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista tagħmel dak kollu li tista’, inkluż permezz tal-mezzi tax-xandir tal-partit, sabiex tiddistakka lilha nnifisha minnhom.

Fil-Partit Nazzjonalista fil-preżent teżisti skumdità kbira b’dak li qiegħed joħroġ fis-seduti tal-Qorti dwar l-inkjesta tal-isptarijiet, partikolarment dwar il-fatt li l-espert ewlieni Jeremy Harbinson iddikjara li mhux se jiġi lura lejn Malta u li assolutament ma jridx jixhed dwar il-konklużjonijiet tiegħu stess tal-inkjesta, kif isir dejjem mill-esperti.

Wara li fil-kampanja elettorali tal-elezzjonijiet ta’ Ġunju li għadda, Bernard Grech għamel min kollox biex jirkeb fuq din l-inkjesta, illum, disa’ xhur biss wara, m’għadux jitkellem dwarha u bhal-lum ġimgħa saħansitra għażel li ma jattendix attivita organizzata fil-Belt Valletta mill-għaqda Repubblika, li kienet hija li talbet li tinfetaħ l-inkjesta permezz tan-nutar Robert Aquilina u l-avukat Jason Azzopardi fis-sena 2019.

Ikkonfrontati bir-realtà li wara biss disa’ xhur mit-tlestija tagħha, l-inkjesta spiċċat tilfet diġa kull kredibbilità, dawn it-tnejn matul din il-ġimgħa bdew jaraw fuq min se jwaħħlu għal dan il-fjask totali.

Robert Aquilina mar fuq is-sit soċjali u fetaħ attakk fuq il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafa għal din l-inkjesta li swiet lill-pajjiz €11-il miljun. Kiteb li Gafa wettaq sabutaġġ għax ma nterrogax lill-persuni li ttellgħu l-Qorti, inkluż lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat, lill-eks Deputat Prim Ministru Chris Fearne u lill-eks Ministri Edward Scicluna u Konrad Mizzi.  Xhieda li ingħatat fl-aħħar xhur fil-Qorti iżda ġġib fix-xein din l-allegazzjoni. Fil-Qorti l-istess Kummissarju Gafa kien żvela li kienet il-Maġistrat Gabriella Vella li ordnatlu li dak kollu li għandu x’jaqsam mal-isptarijiet jgħaddih lilha u li l-Pulizija ma jagħmlu xejn aktar.

Fl-istess ħin fil-Qorti wkoll kien sar magħruf li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kien talab li jixhed quddiem il-Maġistrat Vella u li jissejjaħ mill-Pulizija iżda dan qatt ma sar.  Bħalissa fil-fatt hemm kawża quddiem l-Imhallef Giovanni Grixti, fejn fiha qed jinstema’ jekk kienx hemm ksur tad-drittijiet ta’ Dr Muscat propju minħabba f’hekk.

Minn naħa tiegħu l-avukat ta’ Repubblika, l-eks Ministru Nazzjonalista Jason Azzopardi meta ffaċċjat mill-pressjoni ta’ Jason Micallef f’diskussjoni li saret, għamel minn kollox biex jiddistakka lilu nnifsu mill-esperti u mill-konklużjonijiet tal-inkjesta, minkejja li sa ftit tal-ġimgħat ilu kien jiftaħar li l-inkjesta infteħet bil-ħila tiegħu. Azzopardi issa qiegħed jgħid li mhux ix-xoghol tiegħu li jiddefendi lil Jeremy Harbinson. Fl-istess ħin bħalma Aquilina waħħal fil-Kummissarju, Azzopardi waħħal fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għax skont huwa l-avukati magħżula minn dan l-uffiċċju biex imexxu l-prosekuzzjoni m’ghandhomx l-esperjenza li għandhom l-avukati difensuri.

Azzopardi tefa’ t-tort fuq il-gvern għall-fatt li Jeremy Harbinson lanqas xehed bil-video conference għax skontu ma sarx tibdil fil-liġi. Bil-kontra ta’ dan iżda waqt seduta fil-Qorti ftit tal-jiem ilu, l-Imħallef Edwina Grima kienet qalet li kien hemm ftehim sabiex f’dik is-seduta Harbinson jixhed bil-video conference. U fil-fatt l-uffiċjali tal-Qorti għamlu tentattiv wiehed wara l-ieħor sabiex jagħmlu kuntatt ma’ Harbinson kif kienu ftehmu miegħu. Madankollu baqgħu mingħajr tweġiba mingħand l-espert ewlieni fl-inkjesta tal-isptarijiet. Dan jikkonferma li mhux minnu li jeżistu xi diffikultajiet legali biex issir xhieda bil-video conference u li Harbison ma żammx kelmtu ma xehedx b’deċiżjoni tiegħu biss.

Avukat midħla sew tat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista li iżda għal raġunijiet ovvji ma riedx li jissemma b’ ismu, esprima rabja għall-mod kif tħallew jiżviluppaw l-affarijiet. “L-ewwel ġarrew lill-Partit Nazzjonalista kollu f’dagħdija dwar din l-inkjesta biex issa se jibdew ifarfru. Fl-aħħar mill-aħħar, il-Partit Nazzjonalsita u mhux Repubblika se jikkontesta l-elezzjoni ġenerali, u se jkun l-istess partit li se jħallas qares għal dawn l-izbalji. Ma tgħallimna xejn mill-każ Egrant għax se jerġa’ jiġrilna l-istess jekk mhux agħar”, saħaq dan l-avukat.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport