Tuesday, December 24, 2024

“Ma tħallewx igawdu tfulithom u żgħożithom minħabba l-ħruxijiet f’pajjiżhom”

Ikomplu s-sejħiet biex jitwaqqgħu l-akkużi fil-każ tal-El Hiblu

Aqra wkoll

Attivisti minn diversi organizzazzjonijiet ilbieraħ għamlu protesta barra bini tal-Qorti, fejn reġgħu talbu biex jitwaqqgħu l-akkużi kontra tliet żgħażagħ li jinsabu mixlija b’akkużi dwar terroriżmu. 

Amara, Kader u Abdalla jistgħu jaffaċċjaw sa 30 sena ħabs jekk jinstabu ħatja tal-akkużi dwar il-ħtif tal-vapur El Hiblu lura f’Marzu tal-2019. Fiż-żmien meta ġew arrestati huma kellhom 15, 16 u 19-il sena. Il-proċeduri fil-konfront tagħhom għadhom għaddejjin.

Fost dawk li indirizzaw il-protesta kien hemm il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca, li hija wkoll il-President tal-Moviment tat-Tfal tal-Mediterran, li qalet li meta seħħ il-każ dawn kienu għadhom tfal. 

“Ma tħallewx igawdu tfulithom u ż-żogħżija tagħhom wara ħruxijiet li raw u għexu, u l-esperjenzi trawmatiċi fil-Libja. Mal-wasla tagħhom f’Malta sabu ruħhom arrestati għax salvaw il-ħajjiet ta’ sħabhom milli jerġgħu jittieħdu lejn il-Libja.”

Il-President Emeritu qalet li xhieda ddokumentata fil-Qorti kkonfemaw li dawn it-tliet persuni m’għamlu xejn ħlief li ttraduċew u kienu medjaturi f’sitwazzjoni li setgħet iddiġenerat, b’nies jitilfu ħajjithom billi jaqbżu l-baħar, biex ma jerġgħux jesperjenzaw il-ħruxijiet u t-tortura. 

“Diġà ilhom erba’ snin tilgħin u niżlin il-Qorti. Qed jaffaċċjaw xejn inqas minn disa’ akkużi fosthom sekwestru ta’ vapur u atti terroristiċi. Dawn mhux biss qed jaffaċċjaw akkużi inġusti imma d-dewmien tal-ġustizzja hi ċaħda effettiva tal-ġustizzja. Kemm se jdumu jistennew aktar? Dawn it-tliet żgħażagħ jeħtieġ li jitħallew ikomplu b’ħajjithom,” tenniet Coleiro Preca. 

Ekonomija

Sport