Player importanti ta’ Hibernians Basketball Club kif ukoll tat-team nazzjonali ta’ taħt it-18-il sena tan-nisa li għandha x-xewqa li ‘l quddiem terġa’ tirrapreżenta lit-team nazzjonali tal-kbar. M’hemmx dubju li għandha futur mill-isbaħ quddiemha f’dan l-isport li tant tħobb.
Kif għażilt il-basketball fost tant sport ieħor?
Meta kont żgħira dejjem kelli x-xewqa li nibda xi tip ta’ sport biex inkun attiva. Dejjem xtaqt sport li jkun bħala team mhux individwali. Dak iż-żmien oħti kienet tilgħab il-basketball u kull nhar ta’ Sibt jew Ħadd konna nkunu Ta’ Qali naraw il-logħob tal-kbar. Darba minnhom kont mort nipprova nagħmel taħriġ ma’ tal-etá tiegħi u ngħid il-verità ma għoġobnix mill-ewwel għaliex ma kien hemm ħadd li naf. Minkejja dan wara żewġ sessjonijiet ta’ taħriġ, bdejt nagħmel il-ħbieb u l-coaches bdew juru interess kif ukoll kuraġġ u minn dakinhar ‘l hawn lanqas biss nimaġinani mingħajr basketball.
Li jkollok tiddeskrivi dan l-istaġun sa issa għat-team tiegħek, Hibernians, kif tiddeskrivieh?
Naħseb li sa issa qed ikollna staġun pożittiv fejn kull player qed jilgħab b’qalbu u jimpenja ruħu għat-taħriġ kif ukoll għal-logħob. Grazzi għal dan, għandna nkunu ppreparati sew għall-bqija tal-istaġun u jekk naħdmu lkoll flimkien, għandu wkoll jagħtina l-frott mixtieq.
Hemm xi partita jew partiti li tibqa’ tiftakarhom iktar minn oħrajn fil-karriera tieghek sa issa?
Hemm żewġ partiti li niftakar: waħda minnhom hija l-partita finali fl-aħħar sena tal-FIBA U18 kontra l-Armenja. Konna tlifna b’ammont żgħir ta’ punti. Għalkemm tlifna l-aħħar logħba konna l-iżjed grupp magħqud u għenna ħafna lil xulxin. Konna ilna ħafna naħdmu flimkien u kellna determinazzjoni kbira, għalkemm xortina kienet ħażina meta lejn l-aħħar tal-logħba, it-team tal-Armenja għelibna.
It-tieni partita li kienet logħba tal-kampjonat lokali, hija dik il-finali tal-U16 bejn Hibernians u Starlites. Aħna konna ggwidati mill-coach Silvia Gambino. Dakinhar kelli logħba pożittiva u bħala team spiċċajna rebbiħin, għalkemm qabel il-logħba ma konniex il-favoriti.
Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol tiegħek, u mat-taħrig u l-logħob li jkollok?
Nemmen li biex tlaħħaq mat-taħriġ, logħob u ħajja personali jrid ikollok ‘commitment’ u ‘time management’ tajjeb. Dawn iż-żewġ valuri rnexxieli nifhimhom aħjar meta dħalt l-Iskola Nazzjonali tal- Isport (NSS). Hawnhekk, irid ikollok time-management tajjeb biex tlaħħaq ma’ kollox, fosthom taħriġ filgħodu l-iskola u filgħaxija mal-club, u fl-istess ħin għandek ukoll il-lezzjonijiet u l-istudju.
X’kienu l-esperjenzi li kellek sa issa mat-team nazzjonali tal-basketball ta’ taħt it-18-il sena?
L-esperjenzi kienu mill-isbaħ u huwa unur kbir li tifforma parti minn team nazzjonali. L-ewwel darba li tlajt nirrapreżenta lil Malta kien meta kelli biss 14-il sena. Kont l-iżgħar waħda fit-team fil-kategorija tal-Under 16 mal-coach Sandro Farrugia. Il-coach wera fiduċja kbira fija minn meta kont żgħira u tani kuraġġ biex nilgħab kontra persuni ikbar u itwal minni. Għandi l-unur ngħid li kull darba li tlajna nirrapreżentaw lil Malta, dejjem irnexxielna nirbħu midalja.
Player tal-kalibru tiegħek ġieli kkunsidra li jmur jilgħab barra minn Malta?
Meta kont iżgħar, kont nimmaġinani mmur nilgħab barra minn Malta. Għalkemm issa qiegħda f’pożizzjoni iktar stabbli kemm fix-xogħol kif ukoll fl-iskola, allura nippreferi nibqa’ nilgħab fil-gżira żgħira tagħna. Fl-istess ħin, minix lesta li nħalli lil familti warajja. Minkejja dan, il-basketball huwa parti kbira minn ħajti u nieħdu bis-serjetá ħafna.
X’tikkummenta fuq il-Malta Basketball Association mmexxija mill-president Pawlu Sultana?
Il-Malta Basketball Association għamlet avvanzi kbar minn kemm ilha taħt il-kustodju tal-president Pawlu Sultana u għalhekk nirringrazzjah tal-għajnuna u l-ħin li jiddedika għalina biex inkunu nistgħu nipprattikaw l-isport li tant inħobbu.
X’tikkummenta fuq ir-riżorsi u l-court fil-Padiljun f’Ta Qali li fihom tilagħbu f’Malta speċjalment meta kkumparati ma’ dawk li tilagħbu fihom barra minn Malta mat-team nazzjonali?
Il-court prinċipali f’Ta Qali ħa dehra mill-aqwa biex wasalna għal-livell ogħla għal din il-gżira żgħira meta tqabblu ma’ pajjiżi oħra tal-istess ċokon tagħna. Dan speċjalment bl-arranġamenti li saru s-sena l-oħra u minn hawn nixtieq nirringrazzja lill-president tal-MBA Pawlu Sultana kif ukoll lis-Segretarju Ġenerali tal-istess Assoċjazzjoni, Joseph Muscat, u lil kull min ta sehemu biex isiru dawn l-arranġamenti.
Il-media f’Malta tagħti biżżejjed pubbliċità lill-basketball?
Il-media f’Malta ma naħsibx li tagħti biżżejjed pubbliċitá lil-logħba tal-basketball. Naħseb li kieku l-media tagħti iżjed importanza lil dan l-isport bħalma tagħti lil sport ieħor, naħseb li nsolvu l-problema ta’ kull nursery biex minn etá żgħira, jibdew juru iktar interres f’dan l-isport.
Kif qed tħares lejn il-futur tieghek fil-basketball?
Jien ili nilgħab mal-istess team, Hibernians Basketball Club minn etá żgħira. Dan it-team wera fiduċja fija u tani ħafna opportunijiet biex jien il-player li jien illum u qed nifforma parti mit-team tal-kbar. Fil-futur tiegħi, nixtieq li jkolli l-opportunitá li nerġa’ nirrapreżenta lil Malta fit-team nazzjonali tal-kbar kif ukoll nerġgħu nirbħu midalja.
Bħala player ta’ suċċess fil-basketball lokali u mhux biss, għaddi messaġġ lil dawk li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera fil-basketball.
Biex jirnexxielek ikollok karriera fil-basketball trid tkun lesta li tikkommetti ruħek u tagħtih il-ħin li jistħoqqlu. Hu sport sabiħ ħafna għaliex fih ħafna elementi minn dixxiplini differenti u mhux biss. Nazzarda ngħid li permezz tiegħu għandi t-tieni familja. Jien nirringrazzja lil kull coach li għaddejt minn taħt idejh biex sirt il-player li jien illum, għalkemm l-ikbar ringrazzjament imur għall-ġenituri tiegħi li ħadu l-iżjed paċenzja bija u dejjem tawni appoġġ. Il-ġenituri għandhom dejjem jagħtu l-appoġġ tagħhom lil uliedhom biex jgħinuhom isiru il-players tal-futur.