Friday, May 3, 2024

Ma tintebaħx li kienu pulizija li waqfu ħdejha bil-karozza u qaltilhom “bit-twenty ħi”

Aqra wkoll

Daniela Tranchino ta’ 46 sena residenti Tal-Pietà kienet ikkundannata sena ħabs fuq żewġ każi separati relatati ma’ tlajjar għall-prostituzzjoni. Hija nstabet ħatja wkoll li kiser ordni ta’ probation u li kienet riċediva. 

Fil-Qorti ħareġ kif fil-lejl ta’ bejn is-26 u s-27 ta’ Diċembru 2016, Kuntistabbli mara flimkien ma’ Spettur kienu għamlu diversi spezzjonijiet b’rabta ma’ tlajjar u tħajjir għal skop ta’ prostituzzjoni fl-akwati tal-Gżira, l-Imsida u Ta’ Xbiex.

Waqt li kienu għaddejjin minn Triq Testaferrata f’Ta’ Xbiex innutaw żewġ persuni ta’ sess maskili u karnaġġjon skur li kienu maġenb persuni femminili fuq il-bankina jitkellmu.

Hekk kif kienu daru mal-blokka bil-vettura, il-persuni ta’ sess femminili kienu għadhom fil-bieb iħajru għall-prostituzzjoni. Waħda minn dawn il-persuni kienet l-imputata.

Il-Pulizija waqfu ftit ‘il fuq fejn innutaw lil Tranchino bilqiegħda fuq siġġu quddiem il-bieb ta’ residenza. Għal madwar 10 minuti hija ġiet innutata titlajja fl-istess triq filwaqt li tħares lejn il-vetturi għaddejjin. Il-Pulizija kienu avviċiawha u qalulha li kienu se jinħarġu l-akkużi fil-konfront tagħha.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace qalet li din l-akkuża ġiet ipprovata, filwaqt li nnotat ukoll in-nuqqas tal-imputat li ssegwi l-ordnijiet tal-Qorti u r-rakkomandazzjonijiet tal-professjonisti matul il-proċeduri kollha.

Għall-finijiet ta’ piena l-Qorti kkunsidrat il-fedina penali tal-imputata, u n-nuqqas tagħha li tottempra ruħha mal-ordinijiet tal-Qorti kif ukoll għall-fatt li jidher li l-imputata għandhja problemi minħabba abbuż ta’ sustanzi illeciti.

Kien għal dawn ir-raġunijiet li filwaqt li l-Qorti sabitha ħatja tal-akkużi kollha miġjuba kontriha, inkuż dik tar-riċediva, ikkundannatha għal sitt xhur priġunerija effettiva. Barra minn hekk, hija tpoġġiet taħt ordni ta’ trattament għal perjodu ta’ 18-il xahar. 

F’kawża oħra tad-distrett tal-Imsida, Tranchino wieġbet ħatja għall-akkuża li fl-10 ta’ April 2017 kienet qiegħda titlajja’ għal skop ta’ prostituzzjoni. F’dan il-każ, il-Pulizija kienu nnutaw mara fuq barra ta’ blokka ta’ appartamenti, bilqiegħda fuq siġġu, u li dehret liebsa flokk skullat ħafna. 

Hekk kif waqfu bil-karozza quddiemha, hija resqet mal-karozza n-naħa tax-xufier u qalet “bit-twenty hi” mingħajr ma tat każ min kien hemm fil-karozza. Dak il-ħin l-Ispettur John Spiteri identifika ruħu bħala uffiċjal tal-pulizija u hija rrispondiet li kienet qed tiċċajta. Irriżulta li din kienet l-imputata Daniela Tranchino. Hija ġiet infurmata sabiex tieqaf titlajja u li sejrin jinħarġu akkużi fil-konfront tagħha rigward tlajjar u tħajjir għal skop ta’ prostituzzjoni. 

Fuq ammissjoni, il-Qorti sabitha ħatja u kkundannatha sitt xhur ħabs flimkien ma’ ordni ta’ trattament għal perjodu ta’ 18-il xahar. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Eman Hayman.

Sport