Tuesday, May 13, 2025

“Ma tistax tgħid le għall-aħwa Maksar” – Vince Muscat il-Koħħu

Aqra wkoll

Quddiem l-Imħallef Edwina Grima kompla jinstema’ l-ġuri dwar il-qtil tal-Avukat Carmel Chircop f’Ottubru tal-2015 u ta’ Daphne Caruana Galizia f’Ottubru tal-2017. 

L-akkużati huma l-aħwa Robert u Adrian Agius magħrufa bħala “Ta’ Maksar”, Jamie Vella u George Degiorgio magħruf bħala “ċ-Ċiniż”.  Filwaqt li l-aħwa Agius, Vella u Degiorgio jinsabu akkużati b’reati relatati mal-omiċidju tal-Avukat Chircop, Robert u Jamie jinsabu akkużati wkoll li fornew il-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia. Huma qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.

Fis-seduta, kompla jixhed Vincent Muscat magħruf bħala “l-Koħħu” li kien ingħata presidenzjali b’rabta mal-qtil tal-Auvkat Chircop. Muscat kien ikkundannat 15-il sena ħabs wara li ammetta l-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Caruana Galizia. 

Fil-kontro-eżami, Muscat reġa’ kien mistoqsi dwar il-preżenza tiegħu fuq ix-xena tad-delitt tal-Avukat Chircop. Id-Difiża staqsiet lil Muscat kif hu qal li ħa €20,000 meta skont hu fil-qtil kien sempliċi passiġġier.

Ix-xhud qal li mar magħhom għax ma setax jgħidilhom le għax beża’ li jduru għalih. “Ma nafx x’kienu se jagħmluli u mort,” qal Muscat. Tenna li anke li kieku offrewlu inqas flus, ma setax jgħid le.

F’xhieda li ta fl-aħħar jiem f’dan il-ġuri Muscat qal li huwa kien fil-karozza ma’ Degiorgio u Vella meta nqatel l-Avukat Chircop. Huwa nsista li kien fuq wara waqt li allega li Degiorgio kien qed isuq u kien Vella li allegatament spara t-tiri lejn il-vittma. 

L-Avukat Chircop kien inqatel fit-8 ta’ Ottubru 2015 quddiem il-garaxx tiegħu f’Birkirkara. 

Meta kien qed iwieġeb aktar mistoqsijiet tad-Difiża, Muscat qal ukoll li “l-ħajja tal-Avukat Chircop kienet tiswa €20,000 – iva daqshekk kienet tiswa u jiena daqshekk ħadt.” 

Il-ġuri jkompli. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport