Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn età żgħira meta kont nara l-logħob fuq it-televixin ma’ missieri. Għalhekk huwa ħeġġiġni biex nipprova u ddeċidejt illi nibda nilgħab il-futbol. Bdejt nilgħab ta sitt snin mat-tim tal Fgura United. F’Dawn id-disa’ snin kont taħt ħafna kowċes imma l-aktar tliet kowċis illi ħallew impatt fuqi kienu kowċ Ian Cachia, kowċ Andre Zammit u kowċ Carald Vella u hawnhekk nixtieq nieħu l-opportunita biex nirringrazzja lill-president Larkin Bonnici u l-kumitat kollu tal-Fgura.
Wara dawn id-disa’ snin għamilt sena misluf lil-Luqa SA FC fejn wara din is-sena ġejt plejer permanenti ta’ Luqa SA FC. F’Marzu ta’ din is-sena kelli inċident waqt logħba fejn kont qed naħseb li nieqaf kompletament mil-futbol u b’hekk iddeċidejt illi nibda ngħamel korsijiet ta kowċing biex ma naqtax mill-imħabba tiegħi lejn il-logħba. Hawnhekk nixtieq nirringrazzja wkoll lill-kowċ Vince Camilleri u kowċ Andrea Chircop tal-kliem ta’ inkoraġġiment li għaddewli biex ma naqtax qalbi u nipprova nkompli nilgħab. Grazzi ukoll lil president tal-klabb Evan Camilleri, Mark Said u il-kumplament tal-kumitat tas-sapport illi tawni waqt dak iż-żmien iebes għalija.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek mat-tim tal-Minors ta’ Luqa SA FC.
L-esperjenza tiegħi preżenti mat-tim tal-Minors ta’ Luqa SA FC hija waħda pożittiva għax qiegħed nilgħab regolarment u mill-ħin li qiegħed ikolli ġewwa l-grawnd qed nagħmel l-almu tiegħi u nista’ nitgħallem ħafna minn sħabi kif ukoll mill-avversarju. Is-sena l-oħra meta kont għadni fl-iskwadra ta’ taħt is-17-il sena kelli staġun pożittiv ħafna fejn irnexxieli niskorja 14-il gowl ma’ din l-iskwadra kif ukoll beda jgħajjatli biex nilgħab mat-tim tal-minors u irnexxieli niskorja tnejn fl-ewwel logħba li bdejt mil-bidu.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim tiegħek matul dan l-istaġun sa issa?
Matul dan l-istaġun konna kemmxejn żvinturati fir-riżultati għax kellna fejn niksbu riżultati aħjar min kif ġibna bil-prestazzjonijiet pożittivi li tajna għax konna qeghdin nilgħabu ħafna tajjeb u għal daqs tant dawn ir-riżultati ma qalux l-istorja kollha.
X’inhuma l-aspirazzjonijiet tagħkom għal dan l-istaġun?
Peressli għadna kemm ksibna promozzjoni minn Sezzjoni Ċ għal Sezzjoni B, l-aspirazzjonijiet tagħna huma li nilgħabu futbol ta dak il livell u li finalment nippruvaw inżommu postna f’din is-sezzjoni.
Kif tqis il-livell tal-futbol lokali fil-preżent?
Il-futbol lokali qiegħed iżid ħafna fil-livell tiegħu għax ħafna timijiet qeghdin ikollhom plejers Maltin tajbin kif ukoll plejers barranin, allura mingħajr ma trid il livell jibda jogħla waħdu għax kulħadd irid jilgħab fil-pożizzjoni preferita tiegħu u juru x’inhuma kapaċi jagħmlu. Dawn il-plejers barranin iġibu livell ta’ kwalità magħhom allura il-plejers tal-lokal iridu jirsistu u jaħdmu sabiex jgħollu il-livell tagħhom u jkunu jistgħu isiru aħjar.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Rigward ir-riżorsi li għandna, hemm postijiet fejn huma tajbin u hemm fejn huwa inqas tajjeb allura dawn jistaw jitranġaw għax il-futbol qed jgħolli l-livell ġewwa pajjiżna, allura l-postijiet fejn nitħarrġu u jkollna il-kompetizzjonijiet iridu ikunu ta livell addattat.
B’investiment xieraq, dawn ir-riżorsi jistgħu jitjiebu u jgħollu il-livell tal-plejers kif ukoll jgħollu l-livell tal-postijiet fejn nitħarrġu u jkollna il-kompetizzjonijiet tagħna.
Kemm hu importanti s-settur tal-grassroots fil-futbol?
Is-settur tal-grassroots huwa importanti ħafna fil futbol għaliex jibda jgħati ideja lil dawk it-tfal żgħar ta’ kif għandhom jagħmlu l-affarijiet bażiċi fil-futbol bħal kif jikkontrollaw il-ballun, kif iqassmu u anke il-mod kif għandhom jixxuttjaw.
Aktar ma tibda tikber, aktar tinduna kemm huma essenzjali l-affarijiet illi tkun tgħallimt ta’ età żgħira għax tkun tista’ ittejjeb dawn il-ħiliet fil-futbol biex issir aħjar milli int.
Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna fil-preżent?
Fl-isport, il-mentalitá hija importanti ħafna għax jekk trid tirnexxi jew tkun tajjeb fdak li tagħmel irid ikollok mentalita b’saħħitha u mentalita li trid tkun aħjar min ħadt ieħor biex timbotta lilek innifsek tal limitu tiegħek.
Hawn Malta naħseb illi l-atleti għandhom mentalita tajba għax jekk naraw l-unuri illi ħadu l-atleti tan-nazzjonal nistaw naraw illi xi wħud għamlu suċċess kbir. Nistgħu ngħidu ukoll illi dawk l-atleti illi ma tantx marru tajjeb jistgħu jaħdmu fuq l-aspett mentali biex jimbuttaw lilhom infushom biex id-darba li jmiss jagħmlu l-għalmu tagħhom ħalli jmorru aħjar minn qabel.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Inħares lejn il-futur tiegħi fil-futbol b’ħafna ambizzjoni u b’ħafna potenzjal. Jekk tweġġa, huwa parti mil-futbol imma jekk għandek karattru u mentalita b’saħħitha tista’ din l-isfida teliba u issir aħjar.
Qiegħed nimmira illi wara l-inċident mhux daqshekk sabiħ illi kelli nirsisti aktar u naħdem ħalli insir aħjar min kif kont qabel ma weġġajt. L-akbar ħolma illi għandi hi illi xi darba nixtieq nilgħab ma tim fl-għola diviżjoni fil-futbol ta pajjiżna għax għalija ikun sodisfazzjon kbir meta nqis min dak kollu li għaddejt.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Jekk trid tagħmel karriera fil-futbol is-suċċess ma jiġix mil-lum għal għada iżda huwa ħafna dedikazzjoni u ħafna sagrifiċċji. Jekk int għandek talent, jaf jgħinek imma jekk trid tirnexxi, talent waħdu mhux biżżejjed għax trid taħdem ukoll biex toħloq l-aħjar verżjoni tiegħek innifsek.
Fl-aħħar mill-aħħar ma tridx taqtax qalbek u żżomm rasek mgħollija u tkun umli jekk tiżbalja. Jekk hemm xi nies illi jgħidulek li mhux ħa tirnexxi, taqtax qalbek, iżda aħdem aktar ħalli turihom illi avolja qalulek xi ħaġa, int ma qtajtx qalbek u ħdimt aktar ħalli żgur tirnexxi fil-karriera tiegħek!

