Monday, December 23, 2024

“Ma waqfitx tiġġieled kuljum… issa tħossha meħlusa”

- l-Avukat ta’ Gisèle Pelicot

Aqra wkoll

Każ li dam għaddej erba’ snin u 67 ġurnata fil-Qorti. Madanakollu, Gisèle Pelicot issa tħossha li hi “meħlusa” wara s-sentenzi tal-Imħallfin fil-Qorti t’Avignon li sabu ħtija fil-konfront tal-irġiel kollha li kienu akkużati li stuprawha jew abbużaw minnha sesswalment waqt li kienet iddrogata u mitlufa minn sensiha.

Wara d-dikjarazzjoni tagħha li “tirrispetta” s-sentenzi mogħtija mill-Qorti, l-Avukati tagħha qalu li Gisèle hija “eżawrita għalkollox” iżda fl-istess ħin tinsab sodisfatta li dan il-ġuri ġie fi tmiemu.

“Hija tħossha meħlusa, issa li l-akkużati kollha ġew ikkundannati għal dak li għamlulha,” qal l-Avukat tagħha Stéphane Babonneau f’kummenti mal-ġurnal The Observer. “Gisèle iżda ma waqfitx tiġġieled kuljum. Li nista’ ngħid huwa li issa tinsab f’paċi bil-fatt li l-verdett jirrikonoxxi li hija kienet vittma tal-akkużati kollha.”

Bobonneau żied jgħid ukoll li “mill-perspettiva ta’ Gisèle Pelicot, ma jista’ jkun hemm l-ebda sentenza li tagħtiha lura dak li tilfet. Qatt mhi se tħossha kkonfortata jew b’xi mod ikkumpensata mill-fatt li 50 familja tkissru f’dan iż-żmien tal-Milied. Ma jistax ikun hemm sodisfazzjon għaliha f’dan kollu.”

“Kulma riedet Gisèle Pelicot huwa li l-akkużati jiġu kkundannati għal dak li għamlulha. Rigward is-sentenzi personali, hija qalet li tirrispetta d-deċiżjoni tal-qorti iżda ma ssib l-ebda serħan fihom.”

Il-ġuri b’rabta ma’ dan il-każ dam għaddej 15-il ġimgħa u ntemm il-Ħamis li għadda fejn l-eks raġel tal-vittma, Dominique ta’ 72 sena, kien ikkundannat 20 sena ħabs wara li nstab ħati li ddrogaha, stupraha u stieden minn tal-inqas 50 persuna oħra biex jipparteċipaw f’attivitajiet sesswali magħha meta kienet mitlufa minn sensiha f’darhom fil-belt ta’ Mazan.

Il-Qorti sabet lil dawn il-50 ko-akkużati ħatja ta’ reati sesswali – 47 minnhom dwar stupru, tnejn ta’ attentat ta’ stupru u tnejn oħra li attakkawha sesswalment – u ngħataw sentenzi ta’ bejn tliet snin u 15-il sena ħabs.

Gisèle Pelicot, li għandha 72 sena, temmen li setgħet ġiet stuprata aktar minn 200 darba bejn l-2011 u l-2020.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport