Tuesday, November 18, 2025

‘Ma’ Xewkija Tigers FC tispikka l-għaqda, il-ħbiberija u l-familjarità kbira li hemm bejn il-plejers kollha’ – Adrian Parnis

Aqra wkoll

Minn Cris Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Il-passoni tiegħi lejn il-futbol nibtet meta f’raħal twelidi, il-Munxar, konna noħorgu nilagħbu il-ballun fit-triq ma’ sħabi li sfortunatament illum il-ġurnata ma tantx għadek taraha. Peressli aħna konna noqgħodu faċċata tal-grawnd tal-futbol tar-raħal, kienet ħafna iktar faċli li nsir inħobb il-ballun.

X’tikkummenta fuq l-esperjenza tiegħek sa issa ma’ Xewkija Tigers FC?

Wara l-ewwel esperjenza ma’ Xewkija Tigers, li kienet punt importanti ħafna fit-tluq tal-karriera tiegħi,dejjem kienet ix-xewqa tiegħi li jekk ikun possibbli, xi darba jew oħra, nerġa’ nilbes il-flokk ta’ Xewkija Tigers. Din kienet – u għadha – esperjenza sabiħa ħafna, fejn tispikka l-għaqda, il-ħbiberija u l-familjarità kbira li hemm bejn il-plejers kollha ta’ dan il-grupp.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?

Għalkemm għadna fil-bidu tal-kampjonat, mill-ewwel urejna li t-tim huwa wieħed b’saħħtu, u r-riżultati sa issa juru dan, għax bħalissa qegħdin fil-quċċata tal-klassifika. Madankollu, irridu nibqgħu b’saqajna mal-art u nimxu logħba b’logħba, inkomplu naħdmu fit-taħriġ biex nippruvaw inżommu dan il-livell u nkomplu nkunu fuq nett.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

It-tragwardi tagħna għal dan l-istaġun huma li nippruvaw nirbħu kull logħba possibbli f’kull kompetizzjoni li nkunu qed nikkompetu fiha. Jekk dan iseħħ, żgur li fl-aħħar tal-istaġun inkunu nistgħu nniżżlu xi unur ieħor lejn ir-raħal tax-Xewkija!

X’tikkummenta fuq il-kowċis, Jesmond Zammit u Vince Carbonaro?

Il-kowċis tagħna, Jesmond Zammit u Vince Carbonaro, flimkien mat-tim tekniku kollu huma fost l-aqwa kowċis li hawn f’pajjiżna. Meta tara l-livell ta’ edukazzjoni fil-logħba li għandhom, tinduna li huma tassew ta’ livell għoli.

Il-kowċ Jesmond li huwa bniedem ta’ rispett kbir dejjem joħroġ il-massimu minn kull player, irrispettivament mill-età tiegħu, u kontinwament jgħolli l-livell ta’ kull individwu sabiex eventwalment jiggwadanja t-tim kollu.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab il-futbol.

Fil-ħajja xejn ma jiġi mingħajr sagrifiċċju u determinazzjoni. Kull min jixtieq jibda jilgħab il-futbol għandu bżonn jegħleb il-biżgħat tieghu u jħares ‘il quddiem b’passjoni, determinazzjoni u dedikazzjoni. Il-futbol huwa sport li jrid ħafna taħriġ, imħabba għalih, u fidi fil-kapaċitajiet tiegħek.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport