Raġel mill-Maċedonja ta’ 33 sena, residenti San Pawl il-Baħar, ġie kkundannat erba’ snin ħabs hekk kif instab ħati li f’Jannar li għadda sawwat lis-sieħba tiegħu, li heddidha u anke li kissrilha l-karozza. Hu wettaq dawn ir-reati għax kien daħħal f’moħħu li s-sieħba tiegħu kienet f’relazzjoni ma’ raġel ieħor.
Quddiem il-Qorti, l-Ispettur Audrey Micallef akkużat lir-raġel, li ismu ma jistax jixxandar biex tiġi protetta l-identità tas-sieħba tiegħu, qalet li l-każ seħħ fil-15 ta’ Jannar li għadda u anke fil-ġranet u x-xhur ta’ qabel.
Fost l-akkużi hu ġie mixli li kien uża l-vjolenza, taha fastidju, insulentaha, heddidha kif ukoll li kissrilha l-mobile phone u l-karozza. Kien akkużat ukoll li bejn l-14 u l-15 ta’ Jannar ta’ din is-sena meta kien fuq barra ta’ restorant f’Buġibba waqt li kien xurban f’post pubbliku xeħet xi ħmieġ lejn is-sieħba. Kien dakinhar stess li s-sieħba marret tagħmel rapport mat-Taqsima tal-Vjolenza Domesika. Il-Pulizija bdew jinvestigaw dan il-każ minnufih.
Fir-rapport tagħha, hi qalet li kienet ilha f’relazzjoni mar-raġel minn Awwissu tas-sena ta’ qabel, iżda bil-mod il-mod l-attitudni tiegħu bdiet tinbidel hekk kif beda jissuspetta li hi kienet qiegħda f’relazzjoni intima ma’ rġiel oħrajn.
Qalet li f’Diċembru tal-2022, meta kienet fir-residenza tiegħu, taha daqqa ta’ sieq u kien hemm każ ieħor meta qabadha minn xagħarha u filwaqt li waqqagħha mal-art beda jagħtiha bis-sieq. Kien dakinhar li hu kissrilha l-mobile.
Fil-lejla ta’ qabel ma għamlet ir-rapport, hija kienet qaltlu li kienet se toħroġ tiekol ma’ ħabiba, filwaqt li hu baqa’ jinsisti li mhux tgħid il-verità. Biex tipprova tikkonvinċih li qed tgħid il-verità tatu l-isem tar-restorant fejn se tkun. Hu insista li għandu jmur jiekol magħha, iżda hija ma riditx. Kien waqt li kienet qiegħda ikla mal-ħabiba meta hu beda jibgħatilha diversi messaġġi u beda jinsisti li hi għandha tibgħatlu ritratti ta’ fejn kienet.
Ir-raġel kien mar ma’ ommu, li wkoll tgħix Malta, ħdejn ir-restorant. Kien hawn li hu beda jixrob l-alkoħol fejn saħansitra siker. Hu tela’ fuq siġġu u beda jinstiga n-nies għall-ġlied filwaqt li beda jgħajjarha li kienet marret tiekol hemm minħabba li kellha grazzja mal-wejter.
Tant kemm kienet beżgħet li ddeċidiet li minflok tmur bil-karozza tagħha lejn id-dar ibbukkjat taxi, u l-għada filgħodu hekk kif marret biex tiġbor il-karozza tagħha sabet il-ħġieġ imkissier u żewġ knatan fuq is-seat tax-xufier. Minn hemm hi baqgħet sejra tagħmel rapport. Huwa ġie arrestat mal-ewwel mill-Pulizija u tressaq quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia fejn kien akkużat b’diversi akkużi.
Is-sieħba tiegħu kienet xehdet fil-proċeduri fejn mill-ġdid ikkonfermat dak li kien ġara. Kienet qalet li meta jixrob dejjem isir aggressiv. Hija ppreżentat ukoll screenshots tat-theddid li kien jibgħatilha fuq il-mobile. Il-Maġistrat Farrugia qalet li ma kellha l-ebda dubji dwar il-verżjoni li tat il-mara u għalhekk sabet lir-raġel ħati tal-akkużi.
Waqt il-proċeduri kien ukoll tqabbad social worker li mir-rapport tiegħu ħareġ li hu jabbuża mid-droga kokaina.
Filwaqt li kkundannatu erba’ snin ħabs, il-Qorti ordnatlu jħallas €3,800 lis-sieħba tal-ħsara li kkaġunalha fil-karozza u ħarġet ordni ta’ trażżin għal tliet snin biex tipproteġi lill-mara.