Il-Kap tal-Oppożizzjoni tal-Venezwela, María Corina Machado, ippreżentat il-midalja tagħha tal-Premju Nobel għall-Paċi lill-President Donald Trump waqt laqgħa fil-White House. Hija qalet li għamlet dan bħala “rikonoxximent tal-impenn tiegħu” lejn il-libertà ta’ pajjiżha.
“Naħseb li llum hi ġurnata storika għalina l-Venezwelani,” qalet Machado wara l-laqgħa li kellha ma’ Trump, liema laqgħa saret ġimgħat wara li l-forzi Amerikani ħatfu lill-President Venezwelan Nicolás Maduro f’Caracas u akkużawh b’każ dwar allegat traffikar ta’ droga.
Min-naħa tiegħu, f’kitba fuq il-midja soċjali, Trump filwaqt li esprima l-gratitudni tiegħu lejn Machado, sostna li dan tagħha kien “ġest sabiħ ta’ rispett reċiproku”. Madanakollu, huwa rrifjuta milli japprova lil Machado bħala l-mexxejja l-ġdida tal-Venezuela, minkejja li l-moviment tagħha kien iddikjara rebħa fl-elezzjonijiet tal-2024 li kienu kkontestati ferm.
Minflok, Trump bħalissa qiegħed jittratta mal-Aġent President tal-Venezuela, Delcy Rodríguez, l-eks Viċi President ta’ Maduro. Huwa iżda nsista li kien ta’ unur kbir għalih li jiltaqa’ ma’ Machado u sejħilha bħala “mara mill-aqwa li għaddiet minn ħafna.”
Wara li ħarġet mill-White House, Machado tkellmet mal-partitarji li nġabru fuq barra u qaltilhom: “Nistgħu noqogħdu fuq il-President Trump”. Aktar tard hija qalet lill-ġurnalisti li kienet ippreżentat il-middalja tal-Premju Nobel għall-Paċi lill-President Trump bħala “rikonoxximent tal-impenn tiegħu lejn il-libertà tagħna.”

