Tuesday, April 7, 2026

Macron jikkritika l-mod ta’ Trump għall-gwerra fl-Iran

Aqra wkoll

Il-gwerra fl-Iran teħtieġ metodu ġdid u “serju” li ma jinbidilx kuljum. Hekk qal il-President Franċiż Emmanuel Macron, f’referenza ċara għar-rimarki apparentement kontradittorji tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump dwar il-kunflitt mal-Iran.

Macron sostna mal-ġurnalisti mal-wasla tiegħu fil-Korea t’Isfel fejn kien għal żjara statali, li dan il-kunflitt mhuwiex xi spettaklu imma huwa dwar gwerra u paċi u wkoll dwar il-ħajjiet tan-nisa u tal-irġiel.

Huwa żied jirrimarka li jekk Donald Trump irid ikun serju m’għandux illum jgħid l-oppost ta’ dak li jkun qal ilbieraħ u m’għandux lanqas jitkellem kuljum imma sempliċement iħalli l-affarijiet jikkalmaw.

Franza u pajjiżi Ewropej oħra appoġġjaw xi wħud mill-operazzjonijiet tal-Istati Uniti fir-reġjun, iżda s’issa rreżistew bil-qawwa li jiġu huma wkoll imkaxkra f’din il-gwerra.

Trump u l-amministrazzjoni tiegħu s’issa offrew biss messaġġi mħallta dwar il-kunflitt, fejn f’diversi okkażjonijiet issuġġerew li waqfien mill-ġlied kien qrib u li l-gwerra se tintemm fi tnejn jew tliet ġimgħat, li l-gwerra kienet diġà ntrebħet jew li l-Istati Uniti kienet se tkompli tiġġieled u ddawwar l-Iran f’infern sħiħ.

Intant, Trump mhux jiddejjaq li meta jfettillu jinsulenta lill-pajjiżi Ewropew talli ħallew lill-Istati Uniti u l-Iżrael waħedhom fil-gwerra mal-Iran. Alleat wara l-ieħor żamm lura milli jingħaqad ma’ gwerra li ma ġewx ikkonsultati dwarha, u li għadhom ma jifhmux l-għanijiet tagħha fid-dawl tal-messaġġi mħallta mill-amministrazzjoni ta’ Trump.

L-invettiva ta’ Trump għalhekk tenfasizza mill-ġdid kemm huwa ma jifhimx dwar kif taħdem in-NATO  li hija l-alleanza ta’ 32 membru.

L-Artikolu 5 tan-NATO jimpenjaha għad-difiża kollettiva. Attakk kontra membru wieħed jitqies bħala attakk kontra kulħadd iżda l-invokazzjoni ta’ dan il-prinċipju teħtieġ kunsens. U t-trattat tal-1949 jirriferi biss għall-kriżijiet fl-Ewropa u l-Amerika ta’ Fuq.

L-Artikolu 5 ġie attivat darba biss, wara l-attakki tal-11 ta’ Settembru fuq l-Istati Uniti fl-2001.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport