Bit-tema favur l-ambjent ‘Earth Heroes, Unite!’, ingħata bidu għal 8 ġimgħat ta’ SkolaSajf għal madwar 11,000 tifel u tifla f’58 ċentru, sitta minnhom f’Għawdex. Is-servizz ta’ SkolaSajf jingħata wkoll f’ħames ċentri ta’ riżorsa, fejn jattendu studenti li jkollhom diżabbiltà. Hemm ukoll servizz estiż tas-sigħat ta’ filgħodu kmieni u waranofsinhar, esklussivament għall-ġenituri li jaħdmu. Dan is-servizz jingħata f’36 minn dawn iċ-ċentri. Din is-sena kien hemm ukoll żieda fin-numru ta’ applikazzjonijiet meta mqabbel mat-8,300 applikazzjoni tas-sena li għaddiet.
“Is-sistema edukattiva tagħna qed tirrifletti r-realtajiet tas-soċjetà li qed ngħixu fiha għaliex aħna konxji mill-bżonnijiet u r-realtajiet tas-soċjetà u għalhekk dejjem naħdmu biex intejbu dawk is-servizzi li noffru biex dawn jirriflettu propju dawn il-ħtiġijiet. Għalhekk din is-sena, għall-ewwel darba, is-servizz f’dawn iċ-ċentri se jibda jingħata ħamest ijiem fil-ġimgħa, flok fuq tlett ijiem kif kien offrut fis-snin ta’ qabel”, qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima meta żar iċ-ċentru ta’ Pembroke. “It-tema ta’ din is-sena tirrifletti wkoll il-ħidma li għaddejja fl-iskejjel biex titqajjem aktar kuxjenza favur l-ambjent fost it-tfal tagħna,” qal il-Ministru Grima.
SkolaSajf hija mifruxa fuq 8 ġimgħat sas-7 ta’ Settembru. Biex jingħataw dawn is-servizzi, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi timpjega madwar 2,000 persuna, li jinkludu fost l-oħrajn koordinaturi taċ-ċentri, playworkers u child support workers. It-tfal li jattendu s-servizz ta’ SkolaSajf igawdu minn programm ta’ attivitajiet edukattivi informali marbuta mat-tema ‘Earth Heroes, Unite!’, li hija stedina biex ikun hawn għaqda ħalli kulħadd jaħdem favur ambjent u soċjetà b’saħħitha.
Għal SkolaSajf mal-FES jingħaqdu wkoll 50 entità mis-settur pubbliku, dak privat, kif ukoll NGOs li bi sħab mal-fondazzjoni jagħtu 172 sessjoni online, jikkoordinaw 431 żjara f’ċentri u wkoll 100 ħarġa, kollha marbuta mat-tema.
Il-Kap Eżekuttiv tal-FES Michael Bondin qal li ż-żieda fin-numru ta’ applikazzjonijiet tirrifletti wkoll il-fiduċja li hemm fis-servizz offrut mill-fondazzjoni matul is-snin, anki waqt is-sentejn tal-pandemija, li matulhom dawn is-servizzi baqgħu għaddejjin b’suċċess. Preżenti għal diniż-żjara kien hemm ukoll iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi Pamela Schembri.