Thursday, December 18, 2025

Madwar 165 sajjied jibbenefikaw minn skema maħruġa mid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, ħabbret li madwar 165 sajjied ibbenefikaw minn skema b’investiment ta’ madwar €270,000 bħala appoġġ lis-sajjieda minħabba ż-żieda fil-prezz tal-liska.

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said spjegat li din l-iskema hija introduzzjoni ta’ sostenn dirett f’mument ta’ sfida għas-settur tas-sajd. Kompliet li l-għan ewlieni tal-iskema huwa li tittaffa l-pressjoni finanzjarja li nħolqot minħabba ż-żieda fil-prezz tal-liska, element essenzjali għas-sajd. “Permezz ta’ din l-iskema qed nassiguraw li s-sajjieda tagħna jkollhom l-appoġġ meħtieġ sabiex ikomplu jaħdmu f’dan is-settur tant importanti għal pajjiżna,” qalet is-Segretarju Parlamentari.

“Bħala Gvern se nkomplu naħdmu mill-qrib mas-sajjieda sabiex ikomplu jiġu evalwati l-isfidi u jitfasslu skemi u miżuri oħra fejn ikun meħtieġ, bil-għan li dan is-settur jibqa’ wieħed b’saħħtu u vijabbli għas-snin li ġejjin. Aħna nibqgħu impenjati li nisimgħu lis-sajjieda u nindirizzaw ir-realtajiet li qed jiffaċċjaw ta’ kuljum,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.

Fl-intervent tiegħu, l-Aġent Direttur Ġenerali għas-Sajd u l-Akwakultura, Bjorn Azzopardi spjega, “Aktar kmieni din is-sena s-sajjieda esprimew it-tħassib tagħhom dwar il-prezz tal-liska li dejjem togħla u kien għalhekk li d-Dipartiment wettaq studju xjentifiku sabiex jiġi indikat jekk permezz taż-żieda fil-prezzijiet ġiex influwenzat is-suq tal-pixxispad u tat-tonn matul l-aħħar sentejn u minn hemm ġiet iddisinjata din l-iskema.”

Din l-iskema ibbenefikaw minnha kemm sajjieda MFA (full-time) u dawk MFB (part-time) li għandhom il-liċenzja biex jistadu għat-tonn, pixxispad u l-alonga u ġew kkumpensati għaż-żieda fil-prezz tal-liska matul dawn l-aħħar snin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport