Sunday, December 29, 2024

Madwar 2,000 tifel u tifla rapportati li qed jesperjenzaw abbuż matul l-2022

Aqra wkoll

“Kulħadd għandu jerfa’ r-responsabbiltà biex it-tfal kollha jkunu protetti u jgħixu ħajja sigura. Jekk hemm xi sitwazzjonijiet li qed jinkwetawkom, ċemplulna. Tistgħu ssalvaw il-ħajja tat-tfal.” – Marie Bajada, Forensic Psychologist

Miktub minn Maria Azzopardi – Uffiċjal tal-Marketing tal-Fondazzjoni għal Servizi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS)

Matul ix-xahar t’April tiġi mfakkra l-Blue Ribbon Campaign bil-għan li jinħoloq għarfien dwar il-prevenzjoni tal-abbuż tat-tfal. Din bdiet fl-1989 meta nanna jisimha Bonnie W. Finney rabtet żigarella blu mal-karozza tagħha biex tissimbolizza t-tbenġil li n-neputi tagħha ġarrab qabel il-mewta makabra tiegħu.

Fil-fatt, din l-istorja ntemmet b’mod orribbli ħafna peress li n-neputi tagħha sfortunatament spiċċa miet minħabba persuna abbużiva li kien hemm f’ħajtu.
Minkejja li din l-istorja seħħet barra minn xtutna, il-pjaga tal-abbuż fuq it-tfal tidher li sfortunatament għadha preżenti fis-soċjetà tagħna tant li d-Direttorat tal-Protezzjoni tal-Minuri, fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), jirċievi mal-100-150 rapport kull xahar f’dan ir-rigward.

Maria Azzopardi tkellmet dwar dan mas-Service Area Leader u Forensic Psychologist fi ħdan id-Direttorat tal-Protezzjoni tal-Minuri, Marie Bajada.
April huwa x-xahar li fih tiġi mfakkra l-Blue Ribbon Campaign. Fil-qosor, minn fejn nibtet din il-kampanja, x’inhu s-sinifikat tagħha u għaliex essenzjalment jintuża l-kulur blu?

F’April titfakkar il-Blue Ribbon Campaign bil-għan li jinħoloq iktar għarfien fuq l-abbuż tat-tfal u dwar il-fatt li t-tfal għandhom jiġu protetti u jgħixu ħajja sana ‘l bogħod mill-abbuż. It-tfal għandhom id-drittijiet tagħhom, apparti d-dmirijiet, u x-xahar ta’ April huwa ddedikat għalhekk.

L-istorja tal-Blue Ribbon tmur lura diversi snin u taf il-bidu tagħha minn storja xokkanti fejn kien hemm nanna li n-neputi tagħha miet minħabba persuna abbużiva li kien hemm f’ħajtu. Din in-nanna ddeċidiet li, biex tqajjem aktar għarfien, twaħħal żigarella blu mal-karozza, kulur li jirrappreżenta t-tbenġil li t-tfal jista’ jkollhom meta jiġu abbużati.

X’nifhmu meta ngħidu abbuż u x’effett iħalli fuq it-tfal?

L-abbuż ivarja minn: abbuż fiżiku, meta t-tfal jgħaddu minn xi tip ta’ swat; hemm negliġenza, meta d-drittijiet tat-tfal ma jkunux qed jiġu mħarsa fosthom meta ma jintbagħtux l-iskola, jew ma jkollhomx lunch jew jitħallew mingħajr superviżjoni. Hemm l-abbuż emozzjonali, fejn qed inħarsu lejn dak li huwa abbuż psikoloġiku u dak verbali; hemm l-abbuż sesswali, fejn qed nirreferu għal atti sesswali fejn it-tfal jistgħu jkunu sfurzati biex jieħdu sehem fihom; u hemm abbuż ieħor li nsejħulu ‘at risk’, fejn it-tfal mhux neċessarjament ikunu l-mira tal-abbuż, bħal f’każijiet ta’ vjolenza domestika fil-familja. Hawnhekk l-abbuż ma jkunx direttament fuq it-tfal imma minħabba li jkunu esposti għal dan l-aġir xorta jħalli effett psikoloġiku u jaf ikun ta’ trawma għalihom.

Dwar x’effett iħalli fuq it-tfal, tajjeb niftakru li persuna hija dik li hi dovut għall-fatt tal-esperjenzi li għaddiet minnhom. Ir-riċerkaturi jgħidu li jekk persuna kellha tfulija tajba u b’esperjenzi pożittivi, hemm bażi soda li meta l-persuna tikber se tħares lejn il-ħajja mil-lenti pożittiva.

Iżda tfal li jgħaddu minn xi tip ta’ abbuż, sew hux psikoloġiku, fiżiku jew kliem bħal “m’inti tajjeb għalxejn”, dan se jħallilhom effett. Minħabba f’hekk anke kif jifformulaw l-ideat tagħhom dwar id-dinja u tan-nies ta’ madwarhom jaf jinbidel. Jekk it-trawma ma tiġix indirizzata, forsi permezz ta’ terapija, jista’ jagħti l-każ li meta t-tfal jikbru se jużaw coping mechanisms ħżiena bħal pereżempju jirrikorru għad-droga, sabiex jindirizzaw id-diffikultajiet li jkunu qegħdin jiffaċjaw.

Ħaġa li bosta nies ma jafux dwar it-tfal abbużati hija li ħafna drabi jħobbu lill-persuna li qed iweġġgħuhom. Dan jiġri għaliex il-persuna li tkun qed tabbuża minnhom diversi drabi tkun xi ħadd li jafu sew u jafdaw ħafna. Kemm hu minnu dan u xi jwassal biex persuna tabbuża mit-tifel/tifla?

Assolutament vera. Mit-tfal li naħdmu magħhom, ftit huma dawk li jitolbu biex jitilqu mid-dar. Fir-realtà huma jkunu maqbudin bejn il-mamà jew il-papà, jew persuna oħra li qed jitrabbew magħha, għaliex fil-verità din il-persuna mhix dejjem persuna li tagħmel il-ħażin imma jkollha l-pożittiv ukoll. Ix-xewqa tat-tfal tkun li jieqaf l-abbuż mhux li jitilqu mid-dar.

Il-fatturi għaliex persuna tabbuża jvarjaw, fosthom minħabba raġunijiet ta’ saħħa mentali jew stress fil-familja. Jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet fejn huma stess sfaw vittmi ta’ abbuż fit-tfulija tagħhom. Jekk sa ftit tas-snin ilu kienet ikkunsidrata bħala n-norma li biex tiddixxiplina lit-tfal trid issawwathom, illum il-ġurnata dan m’għadux il-każ. Qisu għandna l-ideat żbaljata li bilfors irid ikun hemm dak l-abbuż fiżiku, is-swat u li trid tirrikorri għall-vjolenza biex lil dak li jkun tiddixxiplinah.

Kemm irċieva rapporti d-Direttorat għall-Ħarsien tat-tfal rigward abbuż li jikkonċerna t-tfal matul is-sena l-oħra?

Mindu ħarġet il-liġi l-ġdida tal-Kapitlu 602, rajna żieda kbira fir-rapporti tant li matul is-sena l-oħra rċevejna madwar 2,000 rapport.

Liema huwa l-aktar tip ta’ abbuż prevalenti?

Insibu minn kollox bħala tip ta’ abbuż fosthom diversi rapporti ta’ abbuż sesswali u abbuż fiżiku. Jista’ jagħti l-każ li n-nies jaħsbu li t-tfal jgħaddu minn tip wieħed ta’ abbuż biss, iżda ħafna drabi jista’ jkun li l-minuri jkun għaddej minn diversi tipi ta’ abbużi fl-istess sitwazzjoni, bħal abbuż emozzjonali u fiżiku.

X’inhi l-iżgħar età li ltqajtu magħha fejn għandu x’jaqsam ma’ abbuż?

Ikollna rapporti anke ta’ tfal li għadhom ma twildux. Dan normalment ikun meta hemm ommijiet li qed jabbużaw mid-droga fit-tqala tagħhom li jwassal għal rapport fuq il-persuna. Dan ifisser li r-rapporti jibdew minn meta t-tfal ikunu f’ġuf ommhom u jibqgħu telgħin sa meta jagħlqu t-18-il sena.

Tista’ taqsam xi esperjenza ta’ abbuż li ltqajt magħha fil-ħidma tiegħek?

Każ partikolari li seħħ ftit tal-ġimgħat ilu kien jikkonċerna problemi ta’ saħħa mentali mhux trattat fil-kurattriċi ta’ tfal, inkluż diffikultajiet oħrajn, li wassal biex it-tfal kienu qed jitħallew maħmuġin ħafna. L-ambjent tad-dar kien ferm maħmuġ u saħansitra wieħed mill-minuri kien qed jitħalla fl-awrina tiegħu stess.

F’każijiet bħal dawn fejn ikun hemm diffikultajiet kbar, id-Direttorat jaħdem mal-familja biex jipprova jindirizza l-problemi, iżda meta mbagħad naraw nuqqas ta’ kooperazzjoni u nuqqas ta’ bidla fis-sitwazzjoni fejn it-tfal jibqgħu jbatu, hemmhekk id-Direttorat għandu r-responsabbiltà biex jieħu l-azzjonijiet li hemm bżonn biex it-tfal ikunu protetti.

L-azzjonijiet li ttieħdu wasslu biex id-Direttorat għall-Ħarsien tat-Tfal jirrakkomanda Ordni ta’ Protezzjoni li wassal biex it-tfal joħorġu mill-ambjent tad-dar. Illum il-ġurnata jinsabu f’ambjent sigur u san u anke ġiet innutata bidla fl-aġir tagħhom għall-aħjar. Meta d-Direttorat jirrakkomanda ħruġ ta’ Ordni ta’ Protezzjoni a favur il-minuri, dan dejjem isir bil-għan ukoll li l-ġenituri jieħdu s-sapport li għandhom bżonn biex jiġu fuq saqajhom u jaħdmu biex it-tfal jirritornaw lura magħhom.

L-għan tad-Direttorat huwa li jekk fil-preżent l-ambjent ta’ fejn qed jgħixu t-tfal huwa ta’ riskju kbir, u għalhekk ma jistgħux jibqgħu fih, mela l-ewwel intenzjoni hija li kemm jista’ jkun ikunu protetti t-tfal.

Apparti minn hekk jinħoloq pjan ta’ kura f’każi fejn tintlaqa’ Ordni ta’ Protezzjoni jew f’oħrajn dak li huwa magħruf bħala kuntratt soċjali biex il-familja tkun tista’ taħdem fuq id-diffikultajiet li ġew identifikati u f’sitwazzjonijiet fejn it-tfal ikunu nħarġu mid-dar, ikunu jistgħu mill-ġdid jirritornaw lura d-dar. Kif semmejt, it-tfal ma jkunux jixtiequ jitilqu lill-familjari tagħhom imma jkunu jixtiequ li l-abbuż jieqaf.

Semmejt l-abbuż sesswali. Kemm huwa komuni?

Illum il-ġurnata għandna ħafna aktar għarfien fuq dan it-tip ta’ abbuż. Dan ma jikkonċernax biss meta jkun hemm penetrazzjoni ta’ partijiet tal-ġisem, però jinkludi wkoll kuntatt fiżiku fil-partijiet privati tal-ġisem (fondling) jew anke jekk jiġu esposti għal ċertu imġieba sesswali bħal meta iġġiegħel minuri jaraw il-pornografija jew ritratti indiċenti. Naħseb li qed ikollna żieda fir-rapporti ta’ dan it-tip ta’ abbuż u ħafna minnhom jikkonċernaw tfal adoloxxenti. Ikollna wkoll tfal iżgħar.

X’għandu wieħed jagħmel jekk isir jaf li hemm xi tfal li jistgħu jkunu qed jiġu maltrattati jew abbużati?

Importanti nifhmu li l-interess biex it-tfal ikunu protetti u salvagwardjati huwa ta’ kulħadd u mhux tad-Direttorat biss. Jekk hemm xi persuni li huma inkwetati fuq xi tfal, għandhom iċemplu fuq 179 biex jagħmlu rapport, li jista’ jsir anke b’mod anonimu. Jistgħu jċemplu wkoll lid-Direttorat tal-Ħarsien tat-Tfal fuq 21492348 jew jiġu fl-uffiċċji tagħna li jinsabu f’Santa Venera.

Kulħadd għandu r-responsabbiltà li meta jara tip ta’ abbuż jitkellem fuqu u jirrapporta. Tgħidux għax ma jikkonċernanix, jew m’iniex l-omm jew il-missier, imma importanti li kulħadd jifhem li għandu din ir-responsabbiltà biex it-tfal jgħixu ħajja sana u ‘l bogħod mill-abbuż.

Minkejja n-natura sensittiva tas-suġġett, jeżistu xi stejjer ta’ suċċess li kellkom f’dawn l-aħħar snin?

F’każ minnhom kellna t-tħassib li t-tfal ma kinux qed jgħixu f’ambjent san li wassal biex dak iż-żmien, qabel il-liġi tal-Kap 602, tinħareġ l-interim care order, li huwa perjodu qasir fejn jinħarġu t-tfal u mbagħad kien jiġi deċiż jekk toħroġx care order jew le. Kien sar dan l-intervent u t-tfal inħarġu mill-ambjent li kienu qed jgħixu fih.

Il-persuna li kienet qed tieħu ħsieb it-tfal kellha problemi fil-ħajja personali tagħha, inkluż użu ta’ alkoħol u problemi finanzjarji, li kienu qed iwasslu biex il-minuri ma kinux qed jiġu mħarsa bl-aktar mod adekwat.

Minħabba l-fatt li t-tfal ittieħdu għal perjodu qasir, din il-persuna bdiet taħdem ħafna mal-professjonisti, sabet xogħol stabbli u bidlet ħajjitha biex kemm jista’ jkun it-tfal jerġgħu jirritornaw magħha. Fil-fatt irritornaw f’perjodu qasir u komplew javvanzaw fil-ħajja tagħhom, inkluż fl-iskola u l-karriera.

Ekonomija

Sport