Friday, November 15, 2024

Madwar 500 student qed jibbenefikaw minn programm edukattiv matul il-vaganzi tas-sajf

Aqra wkoll

Għal tmien ġimgħat matul il-vaganzi tas-sajf qed jingħataw lezzjonijiet magħrufa bħala “Summer Catch-Up Sessions”, f’sitt ċentri u anke permezz ta’ skola virtwali onlajn. Din l-inizjattiva tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni ser tgħin lill-istudenti jirkupraw tagħlim mitluf minħabba l-pandemija.

Il-programm jinkludi varjetà ta’ attivitajiet akkademiċi minn lezzjonijiet tal-Matematika, l-Ingliż, il-Malti, u x-Xjenza għal attivitajiet maħsuba biex jibnu l-karattru u l-personalità tat-tfal.

“Permezz ta’ dan il-programm qed nikkonfermaw kif bħala gvern nemmnu li għandna nagħtu l-għodda kollha neċessarja lill-istudenti tagħna biex jilħqu l-livell sħiħ tagħhom. Din l-inizjattiva tinvolvi numru sabiħ ta’ għalliema li qed jgħinu lill-istudenti biex jilħqu l-livell mixtieq fl-edukazzjoni tagħhom u fl-istess ħin naraw li x-xhur tas-sajf ukoll ikunu xhur produttivi għall-istudenti ħalli jitgħallmu u fl-istess ħin jieħdu pjaċir jagħmlu dan”, qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima waqt żjara fiċ-ċentru fil-Kulleġġ Santa Tereża f’Birkirkara.

L-għalliema involuti f’din l-inizjattiva sostnew li huwa tajjeb ferm li tara tant tfal ikollhom din l-opportunità li jgawdu sessjonijiet ta’ attivitajiet li jsostnu s-saħħa mentali u fiżika tagħhom, flimkien mal-progress edukattiv tagħhom.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Kurrikulu, Tagħlim fit-Tul u Impjegabilità fi ħdan il-Ministeru Jude Zammit spjega li din l-inizjattiva hija mmirata bħala rimedju għat-tagħlim li ntilef waqt il-pandemija, meta l-iskejjel kellhom jagħlqu l-bibien tagħhom. “Il-programm ta’ lezzjonijiet li għamilna s-sena li għaddiet kellu rispons tajjeb ħafna kemm mill-istudenti u wkoll mill-għalliema li stqarrew li raw progress sinifikanti mill-istudenti u għalhekk din is-sena erġajna nedejna din l-inizjattiva”, qal is-Sur Zammit.

Il-programm ikopri studenti ta’ bejn l-Ewwel Sena u l-Għaxar Sena u matul dawn il-ġimgħat dawn ser ikollhom l-opportunità li jirrevedu dak li tgħallmu matul is-sena skolastika li għaddiet.

Ekonomija

Sport