Wednesday, April 24, 2024

Madwar 7,000 persuna jieħdu sehem fil-Fun Run

Aqra wkoll

Il-President ta’ Malta George Vella, flimkien mas-Sra Vella, mexxa t-12-il edizzjoni ta’ The President’s Solidarity Fun Run b’risq il-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund, li b’kollox ħadu sehem fiha madwar 7,000 persuna. Minħabba r-restrizzjonijiet sabiex jinżamm taħt kontroll it-tixrid tal-pandemija, dan l-avveniment tant mistenni mill-pubbliku din id-darba sar fil-forma ta’ mixja mmexxija mis-sindki f’58 belt u raħal madwar Malta u Għawdex.

Il-President u s-Sinjura Vella mxew fir-raħal tagħhom, iż-Żejtun, flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u l-konjuġi tagħhom, l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna u s-Sindku tal-lokalità Doris Abela. Qabel bdiet il-mixja, saret quddiesa fil-knisja arċipretali taż-Żejtun, li ċċelebraha l-Arċisqof Scicluna.

Il-Fun Run ta’ din is-sena ġiet fi tmiemha b’laqgħa mas-sindki fil-Palazz ta’ Sant’Anton, li matulha l-President ippreżentalhom tifkira ta’ radd il-ħajr. Il-President Vella rringrazzja lil dawk kollha li taw sehemhom b’mod volontarju biex l-attività setgħet issir minkejja l-pandemija, partikolarment lill-kunsilli lokali u lil Sport Malta. Kellu kliem ta’ ringrazzjament ukoll għan-nies, li wieġbu bi ħġarhom għas-sejħa tiegħu. Il-Kap tal-Istat irrimarka li f’din l-okkażjoni ħareġ il-veru karattru tal-poplu Malti, li huwa msejjes fuq l-ispirtu tas-solidarjetà u li mhux rifless fi mġiba kundannabbli bħal dik li rajna din il-ġimgħa.

Huwa appella biex il-mexxejja tal-pajjiż jagħtu eżempju sabiex tisseddaq l-għaqda fost il-poplu. “Is-solidarjetà l-poplu Malti qiegħda ġo fih u rridu nkunu aħna li noħorġuha u nġegħluh jesprimiha u juriha. Malli aħna li qegħdin immexxu nagħtu imbekkata biex dawn l-affarijiet isiru, il-poplu Malti awtomatikament isib l-għaqda ġo fih. Irridu nibnu fuq avvenimenti bħal dawn fejn wieħed jara ċar u tond li, fejn tidħol il-ħniena mal-batut, fejn tidħol l-għajnuna għal min għandu bżonn fil-mard, il-poplu Malti ma jibqax lura.” Huwa fakkar li, matul is-sena kollha, il-Community Chest Fund ikollha bżonn il-flus biex tittratta t-talbiet għall-mediċini tal-kanċer u ta’ mard ieħor u sabiex jiġu megħjuna dawk li jinsabu f’qagħda diffiċli.

Sport