Filwaqt li llum fl-Iskejjel tal-Istat madwar 8,600 edukatur daħlu lura għas-sena skolastika 2025/26, nhar l-Erbgħa 24 ta’ Settembru jibdew is-sena skolastika tagħhom l-istudenti mifruxa mill-ewwel sena tal-primarja sal-ħdax-il sena tas-sekondarja, bl-istudenti tal-kindergarten jibdew fil-jiem ta’ wara.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima żar il-Kulleġġ St Thomas More, Sekondarja Żejtun biex jilqa’ l-edukaturi f’dan l-ewwel jum tagħhom. Wara l-preparamenti tagħhom matul il-ġimgħat li għaddew, l-edukaturi llum daħlu fiżikament fl-iskejjel biex ikomplu bl-aħħar ftit preparamenti tagħhom qabel jidħlu l-istudenti. “Qed inżur lil dawn l-edukaturi propju qabel li ftit jiem oħra jilqgħu l-istudenti fl-iskejjel madwar Malta u Għawdex. Flimkien irridu nassiguraw li nagħtu l-aqwa għal uliedna. L-aqwa għal uliedna billi naraw li jkun hemm l-infrastruttura b’saħħitha, l-aqwa għal uliedna billi naraw li jkun hemm l-edukaturi u l-istaff akkademiku kuntent, ħidma li twassal biex l-istudenti kollha jingħataw l-aqwa edukazzjoni”, qal il-Ministru Clifton Grima.
F’din l-Iskola Sekondarja taż-Żejtun hemm 205 edukatur u madwar 1,000 student. Il-Gvern qed ikompli jpoġġi l-edukaturi fiċ-ċentru, mhux biss permezz tal-ftehim kollettiv li fisser żieda konkreta fis-salarji, sinjal ċar ta’ kemm il-Gvern japprezza l-ħidma tagħhom, żieda li mhux biss tagħti rikonoxximent ekonomiku, imma tħeġġeġ aktar kwalità u dedikazzjoni fil-klassi, biex kull tifel u tifla jibbenefikaw minn tagħlim ta’ l-ogħla livell.
Il-Ministeru għaddej b’ħidma li tpoġġi l-edukaturi fiċ-ċentru tal-politika edukattiva għaliex jemmen li l-aqwa investiment huwa dak li jagħmel fl-edukazzjoni ta’ uliedna. Dan huwa rifless fil-mod kif issa l-edukaturi qed ikunu involuti mil-bidu nett fil-politiki li jitfasslu mill-Ministeru, u wkoll qed jingħataw aktar opportunitajiet ta’ taħriġ, filwaqt li qed issir ħidma biex dejjem jittejjeb l-ambjent tal-post tax-xogħol tagħhom. Filfatt l-edukaturi daħlu lura fi skejjel li matul is-Sajf raw ħidma kbira f’dik li hija infrastruttura edukattiva. Matul ix-xhur li għaddew kompla dan l-investiment b’aktar minn €6 miljun investiti f’xogħol ta’ rinovar u titjib mifrux mal-iskejjel kollha.
Il-Ministru Grima għamel referenza wkoll għall-għoti tal-laptop lill-istudenti ta’ Sena 7 u afferma li din l-inizjattiva ta’ €54 miljun kofinanzjata minn fondi nazzjonali u fondi Ewropej se tkompli tittrasforma l-edukazzjoni f’Malta u Għawdex. Huwa tenna li “Dan huwa proġett li permezz tiegħu l-edukaturi wkoll għandhom ambjent ta’ tagħlim inklussiv, interattiv u innovattiv li jipprovdi lil kull student l-opportunità li jirnexxi f’dinja diġitali.
“Nawgura mhux biss lill-edukaturi u lill-ħaddiema amministrattivi fl-iskejjel kollha, filwaqt li nirringrazzjahom tal-impenn u tad-dedikazzjoni tagħhom għall-ġid ta’ uliedna, imma minn issa nawgura wkoll lill-istudenti kollha li din il-ġimgħa se jibdew sena skolastika oħra li fl-aħħar mill-aħħar hija l-perkors li jagħtihom l-opportunitajiet kollha possibbli biex jilħqu l-aspirazzjonijiet individwali ta’ kull wieħed u waħda minnhom”, qal l-Ministru Grima.