Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, waqt żjara lil Salesian Brigade fil-Park tal-Majjistral, wieħed mill-benefiċjarji tal-GAL MAJJISTRAL, spjega kif il-programm LEADER jappoġġja l-gruppi ta’ GAL XLOKK, GAL MAJJISTRAL u GAL GOZO biex jgħinu lil għaqdiet volontarji u kunsilli lokali jagħmlu proġetti li jħallu impatt pożittiv dirett fuq in-nies ta’ dawn iż-żoni.
Dan il-programm ta l-opportunità lil Gruppi tal-Azzjoni Lokali (GALs) biex jagħmlu diversi laqgħat ta’ konsultazzjoni ma’ stakeholders biex finalment fasslu strateġija għat-territorji tax Xlokk, il-Majjistral u Għawdex. Minn din l-istrateġija ħarġu diversi miżuri li permezz tagħhom ingħataw fondi lil għaqdiet volontarji, kunsilli lokali u entitajiet privati żgħar biex jissottomettu proġetti favur il-lokalitajiet. Dawn il-fondi qed jiġu amministrati mill-gruppi tal-azzjoni lokali stess.
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li permezz ta’ dawn il-miżuri msemmija setgħet issir bidla pożittiva fil-lokalitajiet rispettivi ta’ kull reġjun. Huwa saħaq li l importanza ta’ dawn il-fondi tinħass ukoll fuq bażi nazzjonali, għax qed isir investiment fil wirt kulturali, filwaqt li qed nippromwovu aktar proġetti favur infrastruttura ħadra. Hu stqarr li permezz ta’ dawn il-fondi, l-għaqdiet u l-kunsilli lokali qed ikomplu jingħataw riżorsi biex iwettqu aktar proġetti siewja fil-komunitajiet Maltin u Għawdxin.
Dr Philip Von Brockdroff, li huwa Chairman ta’ Gal Xlokk, spejga kif s’issa ġew iffirmati 63 kuntratt ma’ benefiċjarji. Hu saħaq li din il-fondazzjoni tagħti opportunitajiet lil kunsilli lokali u diversi għaqdiet, iżda rrikonoxxa l-importanza tat-tradizzjonijiet tal-festi għall-lokalitajiet fix-Xlokk. Dr Von Brockdroff stqarr li ħabba f’hekk jinkoraġġixxu l-każini tal-baned u għaqdiet soċjali oħrajn biex japplikaw għal dawn il-fondi sabiex jiġi preservat il-wirt kulturali Malti.
Is-Sur Eman Vella, li huwa Chairman ta’ Gal Majjistral, stqarr li fl-operat tagħhom dejjem semgħu l-bżonnijiet tal-komunitajiet tagħhom u l-istrateġija tagħhom ġiet imfassla permezz ta’ bottom-up-approach. Huwa spjega kif l-applikazzjonijiet għall-miżuri li jistgħu japplikaw għalihom għaqdiet u kunsilli lokali jibqgħu dejjem miftuħa, u fl-aħħar ġimgħa ta’ kull xahar jinġabru biex jiġu evalwati mill-bord tal-għażla.
Is-Sur Joe Cordina, li huwa Chairman ta’ Gal Gozo, spjega kif il-Fondazzjoni Gozo Action Group tkopri l-kunsilli lokali kollha ta’ Għawdex, il-Gozo Business Chamber, Gozo Tourism Association, Gozo Confederation for Agriculture and Fisheries u lill-Assoċjazzjoni tal Volontarji Għawdxin. Flimkien, huma fasslu strateġija, filwaqt li fetħu l-applikazzjonijiet li setgħu japplikaw għalihom il-partijiet interessati biex jesprimu u jiżviluppaw proġetti li ma jistgħux jiġu finanzjati permezz ta’ programmi oħra.
Il-programm LEADER qed jgħin biex ikompli jigi riġenerat l-aspett rurali ta’ Għawdex, permezz ta’ proġetti li jagħmluha aktar attraenti u ekonomikament sostenibbli fit-tul.
Kull Grupp tal-Azzjoni Lokali jingħata fondi għall-proġetti ta’ kooperazzjoni transnazzjonali. Dawn ikunu proġetti li jieħdu sehem fihom anke pajjiżi oħra sabiex il-gruppi ta’ azzjoni lokali (GAL) jkunu jistgħu jtejbu l-għarfien tagħhom billi jitgħallmu minn esperjenzi ta’ pajjiżi oħrajn.
Għal aktar informazzjoni dwar l-applikazzjonijiet għal dawn il-miżuri, l-għaqdiet u l-kunsilli lokali jistgħu jagħmlu kuntatt ma’ Gal Xlokk, Gal Majjistral u Gal Gozo skont il-lokalitajiet rispettivi tagħhom, kif huma indikati hawn isfel;
Benefiċjarji f’Ħal Qormi, Ħal Luqa, Ħal Safi, Qrendi, Żurrieq, Mqabba, Birżebbuġa, Marsaxlokk, Ħal Għaxaq, Żejtun, Gudja, Xgħajra, Kalkara, Marsascala, Santa Luċija, Ħaż Żabbar u Ħal Kirkop jistgħu jagħmlu kuntatt mal-Gal Xlokk permezz tal email; [email protected] jew fuq in-numru + 356 2099 8008.
Benefiċjarji fl-Imtarfa, Siġġiewi, Mellieħa, Ħal Għargħur, Ħ’Attard, Iklin, Naxxar, San Ġwann, Ħad Dingli, Ħaż-Żebbuġ, Mosta, Swieqi, Rabat, Imdina, San Pawl il-Baħar u l-Imġarr jistgħu jagħmlu kuntatt ma’ Gal Majjistral permezz tal-email; [email protected] jew fuq in-numri +35620992080 u +35699460152.
Benefiċjarji f’Għawdex jistgħu jagħmlu kuntatt ma’ Gal Gozo permezz tal-email; [email protected] jew fuq in-numru +356) 2155 0322.