Balluta Barracudas żammew lil Valletta St Paul’s fi draw ta’ 1-1 fir-raba’ ħarġa tagħhom fil-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA.
Il-Cudas kienu qed jitilfu 1-0 iżda kienu kapaċi jġibu l-iskor indaqs sabiex kisbu t-tieni punt tal-istaġun tagħhom għalkemm għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa.
Kienu Juan Ortega Zarate li poġġa lil Valletta St Paul’s fil-vantaġġ sabiex Timmy Zammit Lupi skorja l-gowl tad-draw għal Balluta Barracudas.
Referee kien Lorry Sammut.
Marsa St Michael kisbu t-tieni rebħa tal-istaġun bi stil wara li għelbu lil San Ġwann Pro Evolution 4-0.
Protagonista assolut tal-logħba kien l-attakkant Ġappuniż Yuya Emura li skorja doppjetta filwaqt li Stiven Jeancol Uribe Rico u Ali Oularbi minn penalty żiedu aktar gowls għal Marsa St Michael.
Għal San Ġwann din kienet ir-raba’ telfa staġjonali u għalhekk għadhom qed ifittxu l-ewwel punti tagħhom.
Referee kien Onur Arslan.
Fil-partita prinċipali tal-kampjonat tat-tieni diviżjoni, Attard Edex Kings huma l-leaders assoluti wara li rebħu l-konfront dirett kontra Swieqi United AFC 3-2.
Kienet partita mill-isbaħ b’Attard li marru fil-vantaġġ għalkemm Swieqi dejjem baqgħu jiġru wara l-avversarji tagħhom.
Johan Rodriguez poġġa lil Attard minn fuq sabiex Julius Ifeanyi Offorzor skorja l-gowl tad-draw għal Swieqi.
Bl-ewwel taqsima tispiċċa fi draw ta’ 1-1.
Fayis Muhammed Valiyaparambath reġa’ poġġa lil Attard Edex Kings minn fuq għalkemm Joao Victor Calilo Aiezza għamilhom 2-2 għal Swieqi.
L-aħħar kelma kienet ta’ Attard Edex Kings hekk kif Miguel Acevedo skorja l-gowl tar-rebħa.
Referee kien Paul Apap.
Gudja Wanderers approfittaw mit-telfa ta’ Swieqi sabiex telgħu fit-tieni post hekk kif għelbu lil Ħamrun Sporting 2-0.
Andres Santiago Maldonado u Marco Antonio Bravo Ortiz skorjaw il-gowls għall-Gudjani.
Referee kien Igor Kankaras.
Naxxar Victorians kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun meta għelbu lil Mqabba Albions 2-1.
Jake Cachia u Liam Sciberras skorjaw il-gowls għan-Naxxarin b’Miguel Grima li kien l-awtur tal-gowls għall-Albions.
Referee kien Alper Can.
F’logħba mimlija gowls, Birżebbuġa St Peter’s AFC u St Paul’s Bay NMFC temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ta’ 3-3.
Ronnie Celeste skorja doppjetta għal Birżebbuġa b’Oussama Boutayeb li żied ieħor għat-tim tiegħu.
Għat-tim minn San Pawl il-Baħar, Bishal Khawash skorja doppjetta filwaqt li Kanchan Shrestha wkoll poġġa ismu fost l-iskorers.
Referee kien Ray Tabone.



