Wednesday, November 27, 2024

MAFA: Balluta Barracudas jaħsdu lil Valletta St Paul’s

Aqra wkoll

Balluta Barracudas irreġistraw l-ewwel sorpriża tal-istaġun fil-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA meta għelbu lill-favoriti Valletta St Paul’s 3-2 sabiex kisbu l-ewwel tliet punti tal-istaġun.

It-tim immexxi minn Shaun Tortell kien ferm aggressiv fil-logħob tiegħu bil-Beltin li dehru maħsuda.

Jake Chetcuti poġġa lil Cudas minn fuq wara sitt minuti logħob sabiex Elton da Silva ġab l-iskor indaqs 13-il minuta wara.

Balluta Barracudas baqgħu konċentrati u reġgħu marru minn fuq permezz tas-solitu Jake Chetcuti li b’hekk irreġistra doppjetta personali.

Valletta St Paul’s bdew it-tieni taqsima bl-aħjar mod possibbli hekk kif ġabu d-draw minn Godfred Arthur għalkemm it-tim minn Balluta ssiġġillaw il-partita perfetta tagħhom meta skorjaw il-gowl tar-rebħa minn Timmy Zammit Lupi.

Referee kien Darko Stankovic.

San Ġiljan Saints kienu ftit sekondi ‘l bogħod milli jiksbu t-tieni rebħa tal-kampjonat iżda gowl fil-ħin mogħti żejjed mir-referee ċaħħadhom minn dan kollu hekk kif kellhom jikkuntentaw minn draw ta’ 1-1 kontra Marsa St Michael.

Iż-żewġ timijiet ippruvaw sa mill-bidu sabiex jiskorjaw iżda d-difiżi rispettivi kienu ferm kompatti.

Fit-tieni taqsima, Tiago Rodrigues poġġa lis-Saints minn fuq eżattament fil-65 minuta sabiex Nikola Neskovic skorja fit-72 minuta għal Marsa bl-iskor finali jkun dak ta’ 1-1.

Referee kien Ray Tabone.

Fil-kampjonat tat-tieni diviżjoni, Għaxaq Wolves għamluhom żewġ rebħiet minn daqstant logħbiet meta b’żewġ gowls fit-tieni taqsima rebħu 2-0 lil Ta’ Ġiorni Wanderers.

Diego Fernando Pereira poġġa lil Għaxaq minn fuq fil-bidu tat-tieni taqsima sabiex Dhonatan Dos Santos da Hora għalaq il-konfront bit-tieni gowl tal-partita.

Referee kien Gjorgji Bitri.

Birkirkara St Joseph irreġistraw it-tieni punt tal-istaġun wara li ġew draw ta’ 2-2 kontra Buġibba Club de SWAT.

Kienet logħba ferm movimentata u interessanti b’Buġibba li stabilixxew vantaġġ doppju iżda bil-Karkariżi li wieġbu minnufih b’żewġ gowls.

Birkirkara St Joseph registered their second point of the season after sharing the spoils in a 2-2 draw against Buġibba Club de SWAT.

Vincent Kalathil Jikson poġġa lil Buġibba minn fuq sabiex Kirandas Kholatiparampil żied ieħor ftit minuti wara.

Fit-tieni taqsima, Birkirkara St Joseph inbidlu mil-lejl għan-nhar u hawn daħal fix-xena l-attakkant tagħhom Shiro Luengas de la Hoz li skorja doppjetta personali.

Referee kien Jason Penza.

Fit-tielet diviżjoni, Ħal Far Titans kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva wara skor ta’ 2-0 kontra Mosta Vikings.

It-Titans skorjaw żewġ gowls f’kull taqsima sabiex reġgħu telgħu waħedhom fl-ewwel post tal-klasssifika.

Neil Pisani fetaħ l-iskor għal Ħal Far fl-24 minuta sabiex Alessio Galea irdoppja l-iskor erba’ minuti minn tmiem il-konfront.

Referee kien Sillah Al Hasana.

KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI

Swieqi Braves, San Ġiljan Saints, Marsa St Michael 4, Valletta St Paul’s, Senglea Gunners, Balluta Barracudas 3, Valletta Stars 1, San Ġwann Pro Evolution Academy 0.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI

Għaxaq Wolves 6, Gudja Wanderers 4, Ta’ Ġiorni Wanderers, Attard Edex Kings 3, Mqabba Albions, Birkirkara St Joseph 2 Żebbuġ Youngsters, Buġibba Club de SWAT 1.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI

Ħal Far Titans 6, Ħamrun Amateurs, Naxxar Victorians 3, Mosta Vikings, Kalkara Flames 0.

Sport