Fil-partita prinċipali ta’ tmiem il-ġimgħa mill-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA, Valletta St Paul’s u Għaxaq Wolves spiċċaw fi draw ta’ 0-0.
Kienet logħba fejn id-difiżi kienu aħjar mill-attakkanti rispettivi fejn il-protagonisti prinċipali kienu l-goalkeepers Jianiro Camilleri ta’ Valletta St Paul’s u Alejandro Pineres li laqgħu kull ma ġie għal idejhom.
B’dan ir-riżultat, Għaxaq Wolves baqgħu fl-ewwel post u issa għandhom 13-il punt filwaqt li l-Beltin jinsabu ħames punti warajhom.
Referee kien Milos Krstic.
Senglea Gunners baqgħu għaddejjin bil-mument pożittiv tagħhom hekk kif wara li rebħu t-tazza tas-70 Anniversarju, huma rebħu l-konfront kontra Valletta Stars St Dominic 1-0.
Dan kien konfront bejn żewġ timijiet li ġew promossi fl-istaġun li għadda. Il-gowl waħdani ta’ Senglea ġie skorja fit-23 minuta permezz ta’ penalty ta’ George Frendo.
Referee kien Peter Abela.
Fil-kampjonat tat-tieni diviżjoni, it-timijiet t’isfel kisbu l-ewwel rebħa tagħhom tal-istaġun.
Mqabba Albions inqalgħu mill-aħħar post tal-klassifika wara rebħa ta’ 1-0 kontra Ħamrun Sporting. Il-gowl li tahom it-tliet punti prezzjużi u l-ewwel rebħa staġjonali ġie skorjat minn Vaner Keskin fit-58 minuta.
Referee kien Onur Arslan.
Anke Ta’ Ġiorni Wanderers iċċelebraw l-ewwel tliet punti hekk kif għelbu lil Birżebbuġa St Peter’s 3-1.
Kien Yassine Bouslimi li poġġa lil Birżebbuġa St Peter’s minn fuq sabiex Jeremy Grixti ikkometta awtogowl u għalhekk ġab id-draw għal Ta’ Ġiorni. Dawn tal-aħħar għamluhom 2-1 permezz ta’ Daniel Neeraj Bharwani bl-istess plejer jissiġġilla r-rebħa fil-51 minuta.
Referee kien Gjorgji Bitri.
Finalment St Paul’s Bay NMFC kisbu rebħa minima ta’ 1-0 kontra Naxxar Victorians bil-gowl uniku skorjat mill-iskorer prolifiku tagħhom Bishal Khawash.
Referee kien Alex Grech.
KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI
Għaxaq Wolves 13, Senglea Gunners 10, Valletta St Paul’s 8, Marsa St Michael 7, San Ġiljan Saints 6, Valletta Stars 4, Balluta Barracudas 2, San Ġwann Pro Evolution Academy 0.
KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI
Attard Edex Kings 16, Gudja Wanderers 15, Swieqi United AFC 13, Ħamrun Sporting 9, Birżebbuġa St Peter’s 8, St Paul’s Bay NMFC 6, Ta’ Ġiorni Wanderers, Mqabba Albions 4, Naxxar Victorians 3.



