Għaxaq Wolves kisbu r-raba’ rebħa konsekuttiva fil-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA meta fil-grawnd ta’ Marsaxlokk warrbu l-isfida ta’ Senglea Gunners tant li rebħu 2-1.
Ma kinitx logħba faċli għall-Għaxqin li sabu lit-tim mill-Isla ferm organizzat fid-difiża filwaqt li beda jtella’ xi kontrattakki.
Iċ-champions preżenti marru minn fuq wara biss sitt minuti logħob permezz ta’ Bojan Kaljevic sabiex l-ewwel taqsima għalqet 1-0.
L-aħħar parti tat-tieni taqsima kienet movimentata tant li Joshua Gaku ġab l-iskor indaqs għal Senglea qabel ma’ Bojan Kaljevic skorja l-gowl drammatiku tar-rebħa fl-aħħar minuta tal-logħba.
Referee kien Paul Apap.
Gowl uniku skorjat minn penalty ta’ Robert Veskimae kmieni fit-tieni taqsima, kien biżżejjed sabiex San Ġiljan Saints jirreġistraw it-tieni rebħa konsekuttiva, din id-darba kontra Valletta Stars.
Is-Saints kienu ferm dixxiplinati fid-difiża tant li l-Istilel Beltin sabuha ferm diffiċli biex jippenetrawha filwaqt li baqgħu ma skorjawx.
Issa San Ġiljan jitilgħu fit-tieni post tal-klassifika sabiex qed ikomplu jagħmlu aktar progress.
Referee kien Alper Can.
Fit-tieni diviżjoni, il-leaders Swieqi United AFC ġew miżmuma fi draw ta’ 2-2 f’partita fejn kienu qed jirbħu iżda ġew milħuqa mill-avversarji minn San Pawl il-Baħar.
Julius Ifeanyi fis-17-il minuta u Enzo Santos Soabes fit-43 minuta taw vantaġġ doppju għal Swieqi qabel ma’ Limbu Sonu Hang fit-53 minuta u Paras Karki fil-ħin mogħti żejjed mir-referee tawhom punt f’din il-logħba delikata.
Referee kien Gjorgji Bitri.
Gudja Wanderers irritornaw għar-rebħ hekk kif għelbu lil Mqabba Albions 3-1.
Wara li sabu ruħhom minn taħt b’gowl ta’ Calvin Agius, il-Gudjani wettqu reazzjoni tajba fit-tieni taqsima u skorja permezz ta’ doppjetta ta’ Johan Kelvin Lugo Alvarez u gowl ieħor ta’ Luilly Rivera Maldonado.
Referee kien Ray Tabone.
Birżebbuġa komplew bit-triq tal-progress wara li għelbu lil Naxxar Victorians 3-0.
L-ewwel taqsima ntemmet fi draw ta’ mingħajr gowls sabiex fit-tieni 35 minuta, Ousama Boutayeb fil-51 minuta, Titi Dumitru fid-59 minuta u Jeremy Grixti fid-69 minuta taw it-tliet punti prezzjużi għat-tim min-naħa t’isfel ta’ Malta.
Referee kien Karl Stefan Galea.

