Għaxaq Wolves għaddew għat-tieni round tal-MAFA KO meta għelbu l-isfida ta’ San Ġiljan Saints 2-1.
Ma kinitx logħba faċli għall-Għaxqin li sabu ruħhom minn taħt iżda għarfu jdawru r-riżultat sabiex eventwalment baqgħu javvanzaw f’din il-kompetizzjoni.
Kien Robert Veskimae li wara disa’ minuti logħob poġġa lis-Saints minn fuq sabiex fit-tieni taqsima, Diego Fernando Pereira u penalty ta’ Sebastian Nayar ta r-rebħa finali lill-Wolves.
Referee kien Gjorgji Bitri.
Valletta Stars ukoll rebħu 2-1 lit-tim mit-tieni diviżjoni Gudja Wanderers.
Il-Beltin marru minn fuq fl-34 minuta minn Renaid Yenti De Locht għalkemm fit-tieni taqsima Juliano De La Aguas Churio ġab l-iskor indaqs għall-Wanderers.
Fit-48 minuta, Abba Auwal skorja l-gowl deċiżiv għall-Istilel Beltin.
Referee kien Lorry Sammut.
Wirja kbira fl-ewwel taqsima kienet biżżejjed sabiex Valletta St Paul’s jegħlbu lil-liders tat-tieni diviżjoni Attard Edex Kings 3-1.
Luka Asanidze poġġa lis-St Paul’s minn fuq wara minuta sabiex Andre Farrugia skorja t-tieni gowl tliet minuti wara.
Nestur Luis Silva naqqas il-marġni tal-iskor għal Attard iżda Nika Glonti ssiġġilla r-rebħa fl-24 minuta.
Referee kien Karl Galea.
Gowl kull taqsima kien biżżejjed sabiex San Ġwann Pro Evolution Academy jeliminaw lil Ta’ Ġiorni Wanderers 2-0 fid-derby.
Oussama Benhessenb fit-12-il minuta u Nino Barrabe fit-73 minuta taw ir-rebħa finali lill-istudenti Franċiżi.
Referee kien Alex Grech.
Senglea Gunners ftit sabu diffikulta’ sabiex jegħlbu lil Birżebbuġa St Peter’s AFC 3-0. Sa tmiem l-ewwel taqsima, is-Sengleani kienu diġa’ 2-0 minn fuq u komplew jamministraw il-partita filwaqt li skorjaw gowl ieħor.
Seedy Fofana poġġa lill-Gunners minn fuq fid-9 minuta sabiex Isaac Kwesi Dankwah għamilhom 2-0 fit-23 minuta. Olajide Ola Olaawale issiġġilla l-kwalifikazzjoni għat-tim tiegħu.
Referee kien Peter Abela.
F’logħba mimlija emozzjonijiet, Ħamrun Sporting għaddew għar-round li jmiss wara li għelbu lil Swieqi United AFC 7-6 wara l-għoti tal-penalties.
L-iskor sa tmiem is-70 minuta kien dak ta’ 0-0 sabiex fl-għoti tal-penalties, il-Ħamruniżi kienu aktar preċiżi sabiex għaddew għall-fażi oħra b’mertu.
Referee kien Ray Tabone.

