Iċ-champions Għaxaq Wolves bdew bl-aqwa mod possibbli l-istaġun 2025/26 tal-MAFA hekk kif għelbu lil San Ġwann Pro Evolution bl-iskor ta’ 2-1.
Ma kinitx logħba faċli għall-Għaxqin bl-istudenti Franċiżi li kienu motivati li jaqtgħu figura tajba kontra tim ferm iktar ikkwotat minnhom.
Kien Staninir Miloskovic li poġġa lil Għaxaq Wolves minn fuq wara 26 minuta logħob sabiex fil-bidu tat-tieni taqsima, Louis Boulio ġab l-iskor indaqs għal San Ġwann.
Għaxar minuti minn tmiem il-logħba kien Diego Ovallos li minn penalty skorja l-gowl deċiżiv u ta l-ewwel tliet punti lil Għaxaq.
Referee kien Ray Tabone.
Il-promossi ta’ Valletta Stars kisbu rebħa kbira ta’ 5-1 kontra Balluta Barracudas.
Spikka għalihom l-attakkant Kolombjan Federico Marine li skorja tripletta b’Abba Auwal li kellu f’ismu doppjetta personali.
Timothy Zammit Lupi kien ġab id-draw momentarju għal Balluta.
Referee kien Gjorgji Bitri.
F’partita mill-kampjonat tat-tieni diviżjoni, iż-żewġ timijiet relegati mill-istaġun li għadda Mqabba Albions u Ta’ Ġiorni Wanderers spiċċaw fi draw ta’ mingħajr gowls sabiex b’hekk ħadu punt kull wieħed fl-ewwel ħarġa tagħhom tal-istaġun.
Referee kien Thomas Debono.