Għaxaq Wolves jinsabu viċin li jiddefendu t-titlu tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA li rebħu fl-istaġun li għadda hekk kif issa fetħu vantaġġ ta’ sitt punti fil-klassifika.
Hekk kif il-Wolves rebħu 3-0 kontra Balluta Barracudas, ir-rivali tagħhom Marsa St Michael’s ġew sorpriżi minn Valletta Stars sabiex tilfu 4-3.
Għaxaq Wolves vs Balluta Barracudas
Għaxaq Wolves kisbu rebħa komda ta’ 3-0 kontra Balluta Barracudas. Huma għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari sa mill-bidu u marru minn fuq fis-7 minuta permezz ta’ Diego Fernando Pereira sabiex fit-22 minuta Andrew Ejike Obetta għamilhom 2-0.
Fit-tieni taqsima, it-tim immexxi minn Justin Felice issiġġilla r-rebħa permezz ta’ Stanimir Miloskovic.
Referee kien Gjorgji Bitri.
Marsa St Michael’s vs Valletta Stars St Dominic
Marsa St Michael tilfu l-pass mal-leaders Għaxaq wara telfa ta’ 4-3 kontra Valletta Stars St Dominic. Il-Marsin kienu 3-1 minn taħt iżda mhux talli m’għarfux iżommu dan il-vantaġġ talli kellhom isofru rimonta qawwija mill-Beltin li eventwalment rebħu dan il-konfront.
Kylian Lucas Steve Deshayes poġġa lil Valletta minn fuq sabiex qabel tmiem l-ewwel taqsima, Sabri El Mansar fl-20 minuta u Nikola Neskovic fid-29 minuta minn penalty għamlu l-iskor 2-1.
Fit-tieni taqsima, Ayobah Fona għamilhom 3-1 għal Marsa qabel ma’ doppjetta ta’ Abba Auwal u Muhammed Sani Hamza bejn l-44 u l-51 minuta taw ir-rebħa lill-Istilel Beltin.
Referee kien Lorry Sammut.
Senglea Gunners vs San Ġwann Pro Evolution Academy
San Ġwann Pro Evolution Academy komplew iġibu aktar punti prezzjużi fit-tentattiv li jevitaw ir-relegazzjoni wara li għelbu lil Senglea Gunners 2-0.
Wara draw ta’ mingħajr gowls sa tmiem l-ewwel taqsima, kien biss fl-aħħar li l-istudenti Franċiżi issiġġillaw ir-rebħa l-ewwel permezz ta’ Nino Barrabe mas-siegħa logħob u Seni Barlam minuta minn tmiem il-konfront.
Referee kien Sillah Alhasana.
It-Tieni Diviżjoni
Attard Edex Kings vs Birzebbugia St.Peter AFC
Birżebbuġa St Peter’s AFC kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva fit-tieni round wara li għelbu lil Attard Edex Kings 2-0.
L-eroj għat-tim min-naħa t’isfel ta’ Malta kien Oussama Boutayeb li skorja doppjetta fis-17 u t-68 minuta. B’hekk hu jinsab ukoll l-aqwa skorer tal-kampjonat b’10 goals.
Referee kien Roderick Micallef.
Gudja Wanderers vs Mqabba Albions
Mqabba Albions u Gudja Wanderers spiċċaw fi draw ta’ 1-1 f’logħba ferm bilanċjata. Kien Johan Cassar li poġġa lill-Albions minn fuq fil-5 minuta sabiex David Gregory Salines Cassiani ġab l-iskor indaqs fl-34 minuta. Dan kien it-tieni punt għal Gudja f’dan it-tieni round bl-Imqabbin li kisbu l-ewwel punt tagħhom.
Referee kien Peter Abela.
KLASSIFIKA L-EWWEL DIVIŻJONI
Għaxaq Wolves – 22, Marsa St Michael – 16, Valletta Stars – 14, Senglea Gunners – 14, Valletta St Paul’s – 11, San Ġiljan Saints – 10, San Ġwann Pro Ev – 9, Balluta Barracudas – 3.
KLASSIFIKA IT-TIENI DIVIŻJONI
Birżebbuġa SP AFC – 6, Ħamrun Sporting – 3, Gudja Wanderers – 2, Attard Edex Kings – 1, Swieqi United AFC – 1, Mqabba Albions – 1, Ta’ Ġiorni W – 1, Naxxar Victorians – 0.

