Monday, October 20, 2025

MAFA: Għaxaq Wolves waħidhom fl-ewwel post wara t-tieni rebħa konsekuttiva

Aqra wkoll

Iċ-champions Għaxaq Wolves kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva fil-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA wara li għelbu lil Balluta Barracudas 2-0.

Din kienet rebħa importanti għall-Għaxqin sabiex b’hekk jinsabu waħedhom fl-ewwel post tal-klassifika b’sitt punti.

Wara skor ta’ mingħajr gowls fl-ewwel taqsima, Għaxaq marru minn fuq fit-42 minuta permezz ta’ Diego Fernando Ovallos Galvis sabiex 11-il minuta wara, Stanimir Miloskovic irdoppja l-iskor.

Din kienet it-tieni telfa konsekuttiva għal Cudas li għadhom qed ifittxu l-ewwel punti tagħhom.

Referee kien Lorry Sammut.

F’partita ferm interessanti, Valletta Stars St Dominic u Marsa St Michael’s spiċċaw fi draw ta’ 2-2.

Kienet logħba bejn żewġ timijiet li bdew bl-aqwa mod possibbli dan l-istaġun.

Marsa kienu 2-0 minn fuq iżda kellhom jaraw ir-reazzjoni tal-Istilel Beltin li rnexxielhom isalvaw punt.

Kienu Adrian Denis Dluha u Joao Marcelo Junior Coutinho li skorjaw f’temp ta’ ħames minuti sabiex fit-tieni taqsima, Federico Marine Tejada u Abba Auwal ġabu l-iskor indaqs.

Referee kien Peter Abela.

Mit-tieni diviżjoni, Swieqi United, Gudja Wanderers u Attard Edex Kings kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva u qed jaqsmu l-ewwel post tal-klassifika.

Swieqi kisbu rebħa kbira ta’ 5-1 kontra Mqabba Albions.

Sa tmiem l-ewwel taqsima Swieqi kienu diġa’ 4-0 minn fuq wara gowls ta’ Luis Rocha, Joao Victor Aiezza, Andrade De Silva Cava u awtogowl ta’ Godwin Tabone.

Fit-tieni taqsima Mohamed Tahet skorja l-ħames gowl għal Swieqi sabiex Elyas Godwin skorja fl-aħħar minuta tal-logħba għal Mqabba.

Referee kien Alper Can.

Attard Edex Kings xejn ma sabuha faċli sabiex għelbu lil Ta’ Ġiorni Wanderers 5-3.

Protagonist assolut għal Attard kien il-plejer Brażiljan Lucas Carvalho de Almeida li skorja erba’ gowls b’Fayis Valiyaparambath li żied ieħor.

Luke Taliana, Timothy Vella u Jacob Cassar Ellis skorjaw il-gowls ta’ Ta’ Ġiorni.

Referee kien Gjergi Bitri

Gudja Wanderers kisbu rebħa minima ta’ 2-1 kontra St Paul’s Bay NMFC.

Wara li David Gregory Salinas Cassiani poġġa lil Gudja minn fuq, Rai Dolman ġab l-iskor indaqs għal St Paul’s Bay. L-aħħar kelma kienet tal-Wanderers li skorjaw il-gowl tar-rebħa minn Brandon Nieto Sanchez Stevenson.

Referee kien Onur Arslan.

KLASSIFIKA – L-EWWEL DIVIŻJONI

Għaxaq Wolves 6, Valletta Stars, Marsa St Michael 4, Senglea Gunners 3, San Ġiljan Saints, Valletta St Paul’s, San Ġwann Pro Evolution Academy and Balluta Barracudas 0

KLASSIFIKA – IT-TIENI DIVIŻJONI

Swieqi United AFC, Attard Edex Kings, Gudja Wanderers 6, Ta’ Ġiorni Wanderers, Mqabba Albions, Ħamrun Sporting, Birżebbuġa SP AFC 1, Naxxar Victorians, St Paul’s Bay NMFC 0

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport