Monday, October 7, 2024

MAFA: GħaxaqW. iżommu r-rekord perfett tagħhom

Aqra wkoll

Għaxaq Wolves żammew ir-rekord perfett tagħhom fil-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA meta kisbu rebħa komda ta’ 2-0 kontra Mqabba Albions.

L-Għaxqin skorjaw żewġ gowls fl-ewwel nofs siegħa logħob u kkontrollaw il-partita minkejja l-isforzi ta’ Mqabba li minkejja kollox ftit dehru perikolużi lejn il-lasti avversarji.

Kien Sebastian Nayar li poġġa lill-Wolves minn fuq mill-11-il metru sabiex Marlon Farrugia għaqqad l-iskor għat-tim tiegħu.

Referee kien Peter Abela.

Balluta Barracudas kellhom wirja kbira kontra San Ġiljan Saints sabiex fid-derby bejn żewġ timijiet viċin xulxin rebħulhom 2-0.

Il-Cudas ħasdu lis-Saints tant li marru minn fuq wara biss minuta permezz ta’ Andrew Tortell li ssorprenda lill-goalkeeper avversarju.

San Ġiljan ħarġu ferm aggressivi fit-tieni taqsima iżda d-difiża ta’ Balluta kienet tajba ferm.
Balluta Barracudas issiġġillaw ir-rebħa finali żewġ minuti minn tmiem il-konfront bi freekick mill-isbaħ ta’ Anthony Bartolo.

Referee kien Lorry Sammut.

Fit-tieni diviżjoni, Birżebbuġa St Peter’s AFC telgħu fl-ewwel post tal-klassifika wara skor ta’ 3-0 kontra Ħal Far Titans.

F’derby ieħor li ntlagħab, it-tim minn Birżebbuġa ħadu vantaġġ mill-okkażjonijiet li ġewhom sabiex kisbu tliet punti ferm importanti.

Wara skor ta’ 0-0 fl-ewwel taqsima, Birżebbuġa St Peter’s AFC ħarġu tajjeb u marru minn fuq fit-43 minuta permezz ta’ David Chidera Esiofor sabiex Junior Ohalewe irdoppja l-iskor erba’ minuti wara. Romero Rodrico għaqqad it-tliet gowls għar-rebbieħa.

Din kienet it-tieni telfa ta’ Ħal Far Titans wara li kienu tilfu l-ewwel logħba kontra Gudja Wanderers 3-1.

Referee kien Jonathan Balzan.

Il-logħba bejn Gudja Wanderers u Ħamrun Amateurs ġiet abbandunata fit-62 minuta meta l-logħba kienet fi draw ta’ 2-2. Jidher li nqala’ diżgwid bejn plejer minn kull naħa sabiex ir-referee tal-partita ħass li kellu jabbanduna l-logħba. Sa dak il-ħin l-iskor kien 2-2 b’Nigel Bugeja jpoġġi lil Gudja minn fuq u b’Ħamrun idawru l-iskor favurihom b’gowls ta’ Andriy Camilleri u Dunstan Bonnici. Andrew Cachia skorja l-gowl tad-draw fis-57 minuta. Deċiżjoni dwar l-eżitu ta’ din il-partita jittieħed kmieni din il-ġimgħa.

Referee kien JP Sammut.

Fit-tielet diviżjoni, Swieqi United AFC għelbu lil Mosta Vikings 4-0.

Kif jindika l-iskor, Swieqi iddominaw din il-logħba u skorja wara biss erba’ minuti permezz ta’ David Taiwo Akindele sabiex ħames minuti wara Arthur Stelmack irdoppja l-iskor. L-istess plejer għamilhom tlieta fil-25 minuta sabiex Jubril Bolaji Mustapha issiġġilla r-rebħa għal Swieqi.

Referee kien Alex Grech.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport