Gowl uniku skorjat minn Shaun Vella kien biżżejjed sabiex Marsa St Michael jgħaddu għat-tieni round tal-MAFA KO wara li għelbu lil Swieqi United AFC 1-0.
Kienet logħba li ma laħqitx xi livell ta’ barra minn hawn għalkemm Marsa dejjem kellhom il-pussess u ħolqu diversi ċansijiet li bihom setgħu skorjaw aktar gowls.
Il-gowl wasal fis-16-il minuta meta Shaun Vella rċieva through-pass mil-lemin u wara li kkontrolla xeħet il-ballun fir-rokna tax-xibka sabiex għeleb lil Shajahan bejn il-lasti ta’ Swieqi.
Referee kien Sillah Alhasana.
San Ġiljan Saints kisbu l-ikbar rebħa tal-ġurnata wara li għelbu lil Naxxar Victorians 7-0.
Kif jindika l-iskor, il-Ġiljaniżi iddominaw għal kollox din il-partita u sa tmiem l-ewwel taqsima l-iskor kien diġa’ 4-0.
Matt Callaghan u Niall Dorman kienu awturi ta’ doppjetta kull wieħed filwaqt li Ray Forbes, Roel Tusha u Robert Veskimae żiedu aktar gowls għas-Saints.
Referee kien Jean Pierre Mifsud.
F’logħba bilanċjata u inċerta sal-aħħar, Attard Edex Kings mit-tieni diviżjoni għaddew għar-round li jmiss ta’ din il-kompetizzjoni wara li għelbu lil San Ġwann Pro Evolution Academy 4-3 wara l-għoti tal-penalties.
Sekondi qabel tmiem l-ewwel taqsima San Ġwann marru minn fuq permezz ta’ Yanis Lakhadar li ħa vantaġġ minn żball difensiv.
Fit-tieni taqsima, Attard ġabu l-iskor indaqs fis-46 minuta permezz ta’ Ali Oularbi li skorja wara żball difensiv ieħor.
Bil-logħba tispiċċa 1-1, fl-għoti tal-penalties, Attard kienu aktar preċiżi hekk kif skorjaw tliet gowls kontra t-tnejn li skorjaw San Ġwann.
Referee kien David Cilia.
Ta’ Ġiorni Wanderers kisbu rebħa minima iżda prezzjuża ta’ 1-0 kontra Mosta Vikings. Kienet logħba ferm viċin xulxin fejn kien episodju li ddeċieda l-eżitu tagħha.
Wara taqsima fejn ma kellniex gowls, Ta’ Ġiorni skorjaw il-gowl rebbieħ fis-46 minuta permezz ta’ Daniel Bharwani.
Referee kien Milos Krstic.
Fi dwell bejn żewġ timijiet mit-tieni diviżjoni, Birżebbuġa St Peter’s AFC għelbu lil Ħamrun Amateurs 2-0.
L-ewwel taqsima kienet waħda ferm bilanċjata bil-Ħamruniżi ferm dixxiplinati tattikament u b’Birżebbuġa li bdew itellgħu attakki perikolużi. Dawn tal-aħħar tilfu ċ-ċans li jmorru minn fuq iżda fallew penalty li ġie salvat tajjeb minn Santiago Salicas ta’ Ħamrun.
Fit-tieni taqsima, it-tim min-naħa t’isfel ta’ Malta tjiebu u marru minn fuq permezz ta’ Jeremy Grixti fil-41 minuta sabiex mas-siegħa logħob, Oussama Boutayeb irdoppja l-iskor.
Referee kien Jules Ngangue.
Qajjenza ACJ għelbu lil St Paul’s Bay NMFC 4-1. Kienet logħba ddominata min-naħa tar-rebbieħa li kellhom lill-iskorer prolifiku Ronnie Celeste jiskorja doppjetta b’Joshua Farrugia u Guillherme Fonseca li żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom.
Biskal Khawash naqqas il-marġni tal-iskor għat-tim minn San Pawl il-Baħar.
Referee kien Peter Abela.