Iċ-champions tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA Għaxaq Wolves ġew miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Valletta Stars St Dominic fil-logħba prinċipali tal-għaxar ġurnata ta’ din il-kompetizzjoni. Sadanittant, Senglea Gunners telgħu fit-tieni post tal-klassifika wara rebħa komda fuq Balluta Barracudas filwaqt li Valletta St Paul’s ġejjin f’tagħhom b’rebħa fuq San Ġiljan Saints.
Għaxaq Wolves vs Valletta Stars St Dominic 1-1
Għaxaq Wolves u Valletta Stars St Dominic ġew miżmuma fi draw ta’ 1-1 f’logħba ferm divertenti. L-Istilel Beltin marru minn fuq fil-11-il minuta meta kien Abba Auwal li daħal tajjeb fil-kaxxa u b’xutt fil-baxx għeleb lil Oliver Grixti bejn il-lasti ta’ Għaxaq.
Fit-tieni taqsima, l-Għaxqin wettqu reazzjoni u għamlu l-iskor indaqs fl-40 minuta minn Zvezdan Vukovic wara azzjoni insistenti.
Fil-ħin mogħti żejjed, Għaxaq kellhom gowl imħassar ta’ Diego Fernando Pereira hekk kif fl-istess azzjoni ġie ġudikat li sar foul fil-kaxxa.
B’din ir-rebħa, Għaxaq xorta baqgħu jżommu sitt punti vantaġġ f’ras il-klassifika b’Valletta Stars li baqgħu fir-raba’ post.
Referee kien Lorry Sammut.
Balluta Barracudas – Senglea Gunners 0-2
Gowl f’kull taqsima kien biżżejjed sabiex Senglea Gunners kisbu l-ħames rebħa staġjonali wara skor ta’ 2-0 kontra Balluta Barracudas.
Kien Ousman Jallow li poġġa lit-tim mill-Kottonera minn fuq sabiex Moses Nwankwo skorja t-tieni gowl erba’ minuti minn tmiem il-partita.
B’din ir-rebħa l-Gunners issa telgħu fit-tieni post tal-klassifika b’Balluta li jinsabu ferm viċin li jiġu relegati għat-tieni diviżjoni.
Referee kien Miguel Francica.
Valletta St Paul’s – San Ġiljan Saints 2-1
Il-plejer ta’ Valletta St Paul’s Andre Farrugia kien il-protagonista f’kull sens ta’ din il-logħba meta skorja l-gowls kollha li kkaraterizzaw dan il-konfront. Il-Beltin rebħu 2-1 sabiex bil-mod il-mod ġejjin f’tagħhom wara bidu mhux daqstant pożittiv.
Hekk kif San Ġiljan marru fil-vantaġġ fl-14-il minuta minn awtogowl ta’ Andre Farrugia, l-istess plejer patta għal dan kollu meta skorja l-gowls tar-rimonta Beltija meta sab ix-xibka bejn it-63 u s-70 minuta.
B’dawn it-tliet punti, Valletta St Paul’s jinsabu fil-ħames post b’tama li jkomplu telgħin aktar ‘il fuq fil-klassifika.
Referee kien Peter Abela.
It-Tieni Diviżjoni
Ħamrun Sporting – Swieqi United 3-0
Ħamrun Sporting kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva fit-tieni round tat-Tieni Diviżjoni wara li għelbu lil Swieqi United 3-0.
Il-Ħamruniżi għamlu l-intenzjonijiet tagħhom sa mill-bidu u marru minn fuq wara tliet minuti minn Tijane Sowe.
Fit-tieni taqsima, Junior Ohalewe żied żewġ gowls oħra għal rebħa meritata sabiex b’hekk Ħamrun qed jaqsmu l-ewwel post flimkien ma’ Birżebbuġa St Peter’s AFC.
Referee kien Jean Pierre Sammut.
Ta’ Ġiorni Wanderers – Naxxar Victoriana 0-3
Naxxar Victorians pattew bil-kbir għat-telfa inizjali tat-tieni round hekk kif kisbu rebħa konvinċenti ta’ 3-0 kontra Ta’ Ġiorni Wanderers.
Liam Sciberras poġġihom fil-vantaġġ wara biss erba’ minuti sabiex fit-tieni taqsima, Mohammed Elosta u Andre Camilleri issiġġillaw ir-rebħa Naxxarija.
Referee kien Sillah Alhasana.
KLASSIFIKA L-EWWEL DIVIŻJONI
Għaxaq Wolves – 23, Senglea Gunners – 17, Marsa St Michael – 16, Valletta Stars – 15, Valletta St Paul’s – 14, San Ġiljan Saints – 10, San Ġwann Pro Ev – 9, Balluta Barracudas – 3.
KLASSIFIKA IT-TIENI DIVIŻJONI
Birżebbuġa SP AFC – 6, Ħamrun Sporting – 6, Naxxar Victorians – 3, Gudja Wanderers – 2, Attard Edex Kings – 1, Swieqi United AFC – 1, Mqabba Albions – 1, Ta’ Ġiorni W – 1.


