Marsa St Michael saħħew it-tielet post tal-klassifika tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA wara li għelbu lil Balluta Barracudas 5-2.
Kienet wirja kollettiva tal-Marsin li sa tmiem l-ewwel taqsima kienu diġa’ 3-1 minn fuq.
Fit-tieni taqsima huma amministraw il-partita għalkemm Balluta qatt ma ċedew pulzier.
Lamin Saho poġġa lil Marsa St Michael minn fuq sabiex Daniel Zammit Lupi ġab l-iskor indaqs għal Balluta minn penalty. Qabel tmiem l-ewwel taqsima, Lamin Jaiteh u Juan Navarro Mulero skorjaw żewġ gowls oħra sabiex poġġew lil Marsa minn fuq.
Fit-tieni taqsima, Jaiteh għaqqad doppjetta personali għar-raba’ gowl Maris b’Arthur Santana Stelmach li għamilhom ħamsa. Erba’ minuti minn tmiem il-partita, Timmy Zammit Lupi reġa’ naqqas l-iskor għal Balluta.
Referee kien Gjorgji Bitri.
San Ġiljan Saints kisbu t-tieni rebħa staġjonali wara li għelbu lil Mqabba Albions 4-0.
Il-Ġiljaniżi ddominaw il-pussess u ħolqu diversi okkażjonijiet ta’ skor għalkemm sal-ewwel taqsima, l-iskor baqa’ 0-0.
Fit-tieni taqsima, is-Saints ħarġu tajjeb u wara li Jamie Bowlby Whiting poġġihom minn fuq, Roel Tusha u Julien Muller żiedu tnejn oħra għat-tim tagħhom. Bowlby Whiting għaqqad doppjetta personali żewġ minuti minn tmiem il-partita għal skor finali ta’ 4-0.
Referee kien Lorry Sammut.
Fil-kampjonat tat-tieni diviżjoni, Senglea Gunners u Birżebbuġa St Peter’s AFC kisbu rebħiet importanti sabiex komplew iżommu l-pożizzjonijiet l-aktar għolja tal-klassifika.
Senglea Gunners laħqu lil Valletta Stars St Dominic fil-quċċata wara li għelbu lil Gudja Wanderers 3-1.
Wara li skorjaw gowl inizjali, it-tim mill-Kottonera baqa’ jiddetta l-logħob u b’hekk aċċerta ruħu mit-tliet punti finali.
Luis Miguel De Oliveira poġġa lil Senglea minn fuq sabiex fit-tieni taqsima, Anthony Spiteri u Ola Olajde skorjaw żewġ gowls oħra. Elias Beltran naqqas il-marġni tal-iskor għal Gudja Wanderers li kienu qed isofru l-ħames telfa konsekuttiva.
Referee kien Jean Pierre Mifsud.
Żewġ gowls ta’ Junior Ohalewe għamlu d-differenza kollha għal Birżebbuġa St Peter’s li għelbu lil Ħamrun Amateurs 2-0.
Din kienet rebħa importanti għat-tim min-naħa t’isfel ta’ Malta li issa jinsab biss punt bogħod mid-duo ta’ quddiem Senglea Gunners u Valletta Stars St Dominic.
Referee kien Sillah Alhasana.
St Paul’s Bay NMFC kisbu l-ewwel rebħa fil-kampjonat tat-tielet diviżjoni wara li għelbu lil Naxxar Victorians 2-1.
Kien gowl drammatiku ta’ Seru Hang Nemband li ta t-tliet punti lit-tim minn San Pawl il-Baħar bin-Naxxarin li jistgħu jħossuhom sfortunati li ma ħadux tal-inqas punt minn dan il-konfront.
Aktar qabel, Bishal Khawash kien poġġa lil San Pawl il-Baħar minn fuq b’Fabrizio Farrugia li ġab id-draw momentarju għal Naxxar.
Referee kien Jules Ngangue.
KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI
Valletta St Paul’s 18, Għaxaq Wolves 16, Marsa St Michael’s 13, Balluta Barracudas 9, San Ġiljan Saints 7, San Ġwann Pro Evolution Academy 4, Ta’ Ġiorni Wanderers 1, Mqabba Albions 0.
KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI
Valletta Stars St Dominic, Senglea Gunners 13, Birżebbuġa St Peter’s AFC 12, Attard Edex Kings 9 , Żebbuġ Youngsters 8, Ħamrun Amateurs 4, Gudja Wanderers 3, Ħal Far Titans 0.
KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI
Swieqi United AFC 15, Qajjenza AFC 7, Naxxar Victorians 5, St Paul’s Bay NMFC 4, Mosta Vikings 0.
Marsa St Michael’s strengthen third place