Friday, November 15, 2024

MAFA: Marsa St Michael iżidu l-vantaġġ 

Aqra wkoll

arsa St Michael żiedu l-vantaġġ tagħhom f’ras il-klassifika tal-Mochika MAFA l-Ewwel Diviżjoni meta bi tliet gowls fit-tieni taqsima għelbu lil Mqabba Albions 3-0.  

F’din il-11-il ġurnata tal-ogħla kampjonat ta’ din l-assoċjazzjoni, Valletta St Paul’s sofrew it-tielet telfa staġjonali wara li ġew megħluba mill-istudenti Franċiżi ta’ San Ġwann Pro Evolution 2-1 filwaqt li Senglea Gunners rebħu l-konfront dirett kontra San Ġiljan Saints sabiex jinsabu waħedhom f’ras il-klassifika.  

Mill-banda l-oħra, wasal l-ewwel verdett ta’ dan l-istaġun hekk kif Żebbuġ Youngsters huma relegati għat-tieni diviżjoni wara li ġarrbu l-għaxar telfa staġjonali.  

Marsa St Michael għelbu lil Mqabba Albions 3-0 f’logħba li laħqet il-qofol tagħha fit-tieni taqsima.  

Il-Marsin kienu determinati li jżommu l-konsistenza li qabdu u wara li fl-ewwel taqsima raw lid-difiża Mqabbija żżomm sod, fit-tieni taqsima huma marru minn fuq fil-51 minuta permezz ta’ Jean Alesi Spiteri sabiex fit-62 minuta Samuel Dickson irdoppja l-iskor u Uchechi Chidozie li ssiġġilla r-rebħa għas-St Michael  li issa għandhom 24 punt minn 11-il logħba.  

Referee kien Lorry Sammut.  

Gowl drammatiku skorjat mill-aqwa skorer tal-kampjonat Lamin Jaiteh ta tliet punti importanti għal Senglea Gunners li rebħu lil San Ġiljan Saints 2-1.  

Kienet logħba ferm akkanita u fl-istess waqt bilanċjata bir-riżultat li seta’ mar f’kull naħa.  

Wara li l-ewwel taqsima ma kellniex gowls, fit-tieni taqsima, Senglea marru minn fuq permezz ta’ Trevor Cilia sabiex Jamie Bowlby Whiting ġab l-iskor indaqs għas-Saints.  

Meta kollox kien jidher li l-logħba se tispiċċa fi draw, wasal dak il-gowl ta’ Jaiteh li ta r-rebħa finali għat-tim mill-Kottonera.  

Referee kien Karl Stefan Galea.  

San Ġwann Pro Evolution Academy baqgħu jittamaw u fl-istess ħin jisfidaw għall-unuri meta għelbu lil Valletta St Paul’s 2-1. Għal dawn tal-aħħar din kienet daqqa ta’ ħarta għalihom hekk kif issa jinsabu erba’ punti bogħod mill-quċċata.  

Valletta marru minn fuq minn penalty ta’ Dylan D’Agostino wara għaxar minuti logħob.  

San Ġwann baqgħu kalmi u qabel tmiem l-ewwel taqsima ġabu d-draw permezz ta’ gowl ta’ Elson Zogejani.  

Fit-tieni taqsima, l-istudenti Franċiżi sabu l-gowl li tahom it-tliet punti ferm importanti permezz ta’ Florian Bastin li għeleb lill-goalkeeper ta’ Valletta.  

Referee kien Jason Penza.  

Tal-Qroqq Versity Kamelasa żammew il-mument pożittiv tagħhom hekk kif għelbu lil Żebbuġ Youngsters 5-0. Wara dan ir-riżultat, iż-Żebbuġin ġew uffiċjalment relegati għat-tieni diviżjoni.  

Kamelasa kienu superjuri fuq l-avversarji tagħhom tant li sa tmiem l-ewwel taqsima, l-iskor kien dak ta’ 3-0 hekk kif Janik Ahlgrimm, Peter Khiev u Aurelio Vallone tawhom vantaġġ komdu.  

Fit-tieni taqsima, ir-ritmu tal-logħba naqas għalkemm daħal fl-azzjoni Iman Sedaghati li f’temp ta’ ftit minuti skorja doppjetta personali u b’hekk għamel l-iskor 5-0 għat-tim tiegħu.  

Referee kien Ray Tabone.  

Fil-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Attard Edex Kings ġew uffiċjalment promossi għat-tieni diviżjoni mingħajr ma kienu fl-azzjoni hekk kif l-avversarji tagħhom Fgura Spartans tawhom walk-over ta’ 2-0.  

Attard għandhom issa 27 punt u ma jistgħux jiġu milħuqa mill-eqreb avversarji tagħhom.  

Min-naħa l-oħra, Għaxaq Wolves żammew il-pass ma’ Attard hekk kif dawru telfa f’rebħa sabiex għelbu lil Gżira United Sports Club 4-1.  

Anas Souhaile poġġa lill-Maroons minn fuq wara 35 minuta. Wara li Christian Cassar falla penalty għal Għaxaq, Kieran Azzopardi Conti ġab l-iskor indaqs għat-tim tiegħu.  

Il-goalkeeper ta’ Gżira Victorio Ciantar wettaq awtogowl hekk kif ma rnexxielux iżomm xutt ta’ Azzopardi Conti. Dan tal-aħħar skorja gowl ieħor għal doppjetta personali u Marlon Farrugia għaqqad l-iskor għall-Għaxqin.  

Referee kien Gjorgji Bitri.  

Ekonomija

Sport