Monday, January 19, 2026

MAFA: Marsa St Michael jitilgħu fit-tieni post

Aqra wkoll

Marsa St Michael telgħu fit-tieni post tal-klassifika tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA meta għelbu lil Balluta Barracudas 2-1.

Kienet rebħa importanti għat-tim immexxi minn Malcolm Tirchett għalkemm kien biss lejn l-aħħar li aċċertaw ruħhom mir-rebħa finali.

Min-naħa tagħhom. Balluta Barracudas taw qalbhom tul il-logħba kollha iżda spiċċaw ħarġu bla punti minn din il-partita.

Jean Col Stiven Urbe Rico poġġa lil Marsa St Michael’s minn fuq man-nofs siegħa logħob sabiex fit-tieni taqsima, Darko Todorovski irdoppja l-iskor.

Erba’ minuti minn tmiem il-konfront, Matthew Mallia naqqas il-marġni tal-iskor għall-Cudas.

Referee kien Roderick Micallef.

San Ġwann Pro Evolution kisbu l-ewwel punti tal-istaġun wara li għelbu lil San Ġiljan Saints 3-2.

Kienu s-Saint li marru minn fuq permezz ta’ freekick mill-isbaħ ta’ Robert Veskimae sabiex Reda El Ashasi u Nino Barrabe bejn l-24 u s-26 minuta dawru l-iskor favur San Ġwann.

Tliet minuti minn tmiem l-ewwel taqsima, Pierre Cao Nathan Pham ħa vantaġġ minn żball difensiv sabiex poġġa l-ballun fix-xibka qabel ma’ Victor Sandy Pallot naqqas il-marġni tal-iskor għal San Ġiljan Saints.

Referee kien Lorry Sammut.

Fit-tieni diviżjoni, Attard Edex Kings fetħu vantaġġ ta’ tliet punti fil-klassifika wara li għelbu lil Birżebbuġa St Peter’s AFC 3-2.

Ma kinitx logħba faċli għal Attard hekk kif l-avversarji tagħhom min-naħa t’isfel ta’ Malta tawhom logħba u kien biss fl-aħħar sekondi li ċedew l-armi.

Kien Kirandas Vallikkatu li poġġa lil Attard minn fuq wara biss minuta bl-istess plejer jirdoppja l-iskor fit-33 minuta.

Fit-tieni taqsima, Birżebbuġa wettqu rimonta u ġabu l-iskor indaqs minn Ronnie Celeste fil-45 minuta u Oussama Boutayeb fis-67 minuta.

Minkejja kollox, l-aħħar kelma kienet ta’ Attard hekk kif l-aqwa skorer tal-kampjonat Lucas Carvalhom skorja l-gowl tar-rebħa minuta qabel tmiem il-partita.

Referee kien Peter Abela.

Fl-iktar partita mistennija tan-naħa ta’ fuq tal-klassifika, Swieqi United AFC u Gudja Wanderers spiċċaw fi draw ta’ 1-1.

Dan id-draw ftit serva għaż-żewġ timijiet hekk kif issa jinsabu iktar distakkati minn mal-leaders Attard.

Kienu Swieqi United AFC li marru minn fuq fit-48 minuta permezz ta’ Jean Carlos Ibarra Grueso sabiex fil-ħin mogħti żejjed mir-referee, Samuel Ramirez skorja l-gowl tad-draw għal Gudja.

Referee kien Alex Grech.

F’partita min-naħa t’isfel tal-klassifika, Naxxar Victorians u Ta’ Ġiorni Wanderers spiċċaw fi draw ta’ 0-0.

Dan ir-riżultat ftit biddel is-sitwazzjoni taż-żewġ timijiet b’Ta’ Ġiorni li baqgħu punt vantaġġ fuq l-istess Naxxarin.

Referee kien Gjorgji Bitri.

KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI

Għaxaq Wolves 13, Senglea Gunners, Marsa St Michael 10, Valletta St Paul’s 8, San Ġiljan Saints 6, Valletta Stars 4, San Ġwann Pro Evolution Academy 3 , Balluta Barracudas 2.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI

Attard Edex Kings 19, Gudja Wanderers 16, Swieqi United AFC 14, Ħamrun Sporting 9, Birżebbuġa St Peter’s 8, St Paul’s Bay NMFC 6, Ta’ Ġiorni Wanderers 5, Naxxar Victorians, Mqabba Albions 4.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport