Marsa St Michael għalqu l-ewwel round tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA tliet punti bogħod mil-leaders Għaxaq Wolves meta b’gowl kull taqsima għelbu lil San Ġiljan Saints 2-0.
Il-gowls li ddeċidew il-konfront ġew skorjati minn Nikola Neskovic fid-disa’ minuta sabiex Arthur Stelmach Santana rdoppja l-iskor żewġ minuti mill-bidu tat-tieni taqsima.
Referee kien Sillah Alhasana.
Balluta Barracudas kisbu r-raba’ rebħa tal-istaġun wara li f’logħba mimlija gowls, għelbu lil San Ġwann Pro Evolution Academy 5-2.
Timmy Zammit Lupi u Andrew Tortell spikkaw għal Cudas meta skorjaw doppjetta kull wieħed b’Paco Vassallo iżid ieħor.
San Ġwann naqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ Mikael di Lorenzo u Qahlous Taha.
Referee kien Gjorgji Bitri.
Fil-kampjonat tat-tieni diviżjoni, Senglea Gunners naqsu milli jitilgħu fl-ewwel post tal-klassifika flimkien ma’ Valletta Stars St Dominic hekk kif sfaw miżmuma fi draw ta’ mingħajr gowls minn Ħamrun Amateurs.
Referee kien Christian Lia.
Żebbuġ Youngsters u Gudja Wanderers naqsu wkoll li jċaqilqu l-klassifika tagħhom meta kkanċellaw lil xulxin fi draw ta’ 1-1.
Jason Woodhead poġġa lil Gudja minn fuq eżatt lejn tmiem l-ewwel taqsima sabiex James Cauchi ġab id-draw għal Żebbuġ fid-59 minuta.
Referee kien Alper Can.
Fil-kampjonat tat-tielet diviżjoni. Qajjenza ACJ saħħew it-tieni post tal-klassifika wara rebħa minima ta’ 2-1 kontra Naxxar Victorians.
Kienu Naxxar li marru minn fuq permezz ta’ Fabrizio Farrugia fil-21 minuta sabiex l-ewwel taqsima għalqet 1-0 favurihom.
Fit-tieni taqsima, Qajjenza għamlu reazzjoni u skorjaw żewġ gowls li tawhom ir-rebħa permezz ta’ Matthew Agius u Precious Tenebe.
Referee kien Thomas Debono.