Monday, March 10, 2025

MAFA: Marsa St Michael’s fl-ewwel post

Aqra wkoll

Marsa St Michael’s telgħu fl-ewwel post tal-klassifika tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA meta kif mistenni għelbu lil Mqabba Albions 5. B’hekk huma laħqu lil Għaxaq Wolves f’ras il-klassifika, sebat ijiem qabel il-konfront dirett ta’ bejniethom.

L-Ewwel Diviżjoni

Marsa St Michael – Mqabba Albions 5-0

Marsa St Michael għelbu lil Mqabba Albions bl-iskor kbir ta’ 5-0 sabiex b’hekk laħqu lil Għaxaq Wolves f’ras il-klassifika.

Il-Marsin għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari sa mill-bidu u marru minn fuq wara żewġ minuti meta kien Juan Zarate Ortega li għeleb lill-goalkeeper avversarju. Għaxar minuti wara kien Lamin Saho li skorja t-tieni gowl sabiex erba’ minuti minn tmiem l-ewwel taqsima Darko Todorovski għamilhom 3-0.

Fit-tieni taqsima, il-logħba ftit inbidlet bil-Marsin li jissiġġillaw ir-rebħa grazzi għall-gowls ta’ Shawn Vella u Uros Djordjevic.

Referee kien Alper Can.

San Ġwann Pro Evolution Academy – Valletta St Paul’s 1-3

Valletta St Paul’s jinsabu biss punt bogħod mil-liders Marsa St Michael u Għaxaq Wolves meta għelbu lil San Ġwan Pro Evolution Academy 3-1.

Il-Beltin riedu japprofittaw miż-żelqa ta’ Għaxaq ħmistax-il ġurnata ilu u b’hekk riedu jirbħu din il-partita akkost ta’ kollox.

Ian Zammit poġġihom fil-vantaġġ wara biss żewġ minuti logħob sabiex fit-tieni taqsima, Andrew Ejike Obetta u Justin Grioli żiedu tnejn oħra għat-tim mill-kapitali.

San Ġwann skorjaw il-gowl ta’ konsolazzjoni permezz ta’ Adil Fila.

Referee kien Alex Grech.

It-Tieni Diviżjoni

Żebbuġ Youngsters – Valletta Stars St Dominic 1-3

Valletta Stars St Dominic dawru telfa f’rebħa sabiex għelbu lil Żebbuġ Youngsters 3-1. Kienet logħba ferm sabiħa li laħqet il-qofol tagħha fit-tieni taqsima bil-Beltin li b’hekk baqgħu jżommu l-ewwel post iżda biż-Żebbuġin li ma ddiżappuntawx fil-logħba tagħhom.

Il-Youngsters marru minn fuq permezz ta’ Bilaly Ceesay sabiex fit-tieni taqsima, l-Istilel Beltin dawru l-iskor favurihom b’doppjetta ta’ Jose David Diaz Urango u Abba Auwal. L-istess Diaz kellu ċ-ċans li jiskorja tripletta iżda falla milli jikkonverti penalty.

Referee kien Ray Tabone.

Senglea Gunners – Birżebbuġa St Peter’s AFC 2-4

Birżebbuġa St Peter’s ħallew għall-aħħar sabiex dawru telfa f’rebħa u għelbu lil Senglea Gunners 4-2 f’logħba tan-naħa ta’ fuq tal-klassifika.

Kienet logħba ferm interessanti b’Senglea Gunners li bdew tajjeb u marru minn fuq permezz ta’ Glenn Bonello. Nenad Stankic irdoppja l-iskor fl-10 minuta sabiex it-tim mill-Isla kellhom bidu tal-ħolm. Għaxar minuti wara David Chidera Ejiafor naqqas il-marġni tal-iskor għal Birżebbuġa sabiex l-ewwel taqsima għalqet 2-1.

Fit-tieni taqsima, it-tim min-naħa t’isfel ta’ Malta dawwar il-miżien favurih bl-aqwa skorer tal-kampjonat Junior Ohalewe li skorja doppjetta filwaqt li Oussama Boutayeb żied ieħor.

Referee kien Lorry Sammut.

Gudja Wanderers – Ħamrun Amateurs 1-1
F’logħba li ġiet irkuprata wara li tħassret minħabba l-maltemp, Ħamrun Amateurs u Gudja Wanderers temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ta’ 1-1.

Kienet logħba bilanċjata bl-ewwel taqsima li kienet favur Ħamrun li marru minn fuq permezz ta’ Martin Busuttil wara pass ta’ Jurgen Buhagiar. Huma kellhom iċ-ċans jirduppjaw l-iskor iżda r-referee ħassar il-gowl ta’ Andriy Camilleri.

Fit-tieni taqsima, Gudja Wanderers wettqu sforz u sabu l-gowl tad-draw fis-66 minuta permezz ta’ Timothy Portelli.

Referee kien Paul Apap.

It-Tielet Diviżjoni

F’partita mill-isbaħ, St Paul’s Bay NMFC issorprendew lil Qajjenza ACJ tant li rebħulhom 4-3. Kienet logħba ta’ taqtigħ il-qalb biż-żewġ timijiet li taw qalbhom tul is-70 minuta għalkemm kienu t-tim minn San Pawl il-Baħar li kellhom l-aħħar kelma.

Kien Ronnie Celeste li poġġa lil Qajjenza minn fuq sabiex Miya Jamir Din ġab l-iskor indaqs għal San Pawl il-Baħar.

Fit-tieni taqsima, Arjun Giri u Bishal Khawash fetħu vantaġġ doppju għal St Paul’s Bay għalkemm Ronnie Celeste mal-ewwel skorja doppjetta sabiex għamilhom 3-3.

Finalment Sherpa Palden Ngudup li skorja l-gowl drammatiku fil-ħin mogħti żejjed mir-referee.

Referee kien Pasquale D’Errico.

KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI

Marsa St Michael’s, Għaxaq Wolves 25, Valletta St Paul’s 24, Balluta Barracudas 18, San Ġiljan Saints 11, San Ġwann Pro Evolution 9, Ta’ Ġiorni Wanderers 4, Mqabba Albions 0.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI

Valletta Stars St Dominic 21, Birzebbuġa St Peter’s AFC, Senglea Gunners 16, Attard Edex Kings 14, Żebbuġ Youngsters 13, Ħamrun Amateurs 7, Gudja Wanderers 6, Ħal Far Titans 0.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI

Swieqi United AFC 22, Qajjenza AFC 13, St Paul’s Bay NMFC 10, Naxxar Victorians 6, Mosta Vikings 3.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport