Monday, April 7, 2025

MAFA: Marsa St Michael’s jibqgħu jittamaw

Aqra wkoll

Marsa St Michael baqgħu jżommu t-tamiet li jirbħu l-kampjonat ħajjin wara li għelbu lil San Ġwann Pro Evolution Academy 2-1. Mill-banda l-oħra, kompla l-istaġun maġiku ta’ Balluta Barracudas li għelbu lil Mqabba Albions.
Fit-tieni diviżjoni se tibda l-ġlieda għat-tieni post b’Birżebbuġa St Peter’s AFC u Senglea Gunners li rebħu l-konfront rispettiv tagħhom.

Fit-tielet diviżjoni, Naxxar Victorians kisbu l-ikbar rebħa tal-istaġun tagħhom wara li għelbu 4-0 lil Qajjenza ACJ.

L-Ewwel Diviżjoni

San Ġwann Pro Evolution Academy – Marsa St Michael 1-2

Marsa St Michael żammew it-tamiet tagħhom ħajjin għat-titlu wara li għelbu lil San Ġwann Pro Evolution 2-1.

Il-Marsin kienu diġa’ 1-0 minn fuq sa tmiem l-ewwel taqsima sabiex żiedu ieħor fit-tieni taqsima u eventwalment kien fl-aħħar li t-tim Franċiż naqqas il-marġni tal-iskor.

Gabriel Felipe Hernandez Castaneda poġġihom fil-vantaġġ wara 21 minuta logħob sabiex fit-tieni taqsima, Darko Todorovski għamilhom 2-0 mas-siegħa logħob. Għalxejn kien il-gowl ta’ Naeldine Dhounaraini li għamel l-iskor finali 2-1.

B’din ir-rebħa Marsa issa jinsabu tliet punti bogħod mil-leaders Għaxaq Wolves.

Referee kien Onur Arslan.

Balluta Barracudas – Mqabba Albions 4-0

Balluta Barracudas kisbu t-tmien rebħa staġjonali wara li għelbu lil Mqabba Albions 4-0. Il-Cudas iddominaw għal kollox din il-logħba u skorjaw il-gowls tagħhom permezz ta’ tripletta minn Timmy Zammit Lupi sabiex Nicholas Borg għaqqad il-poker għat-tim tiegħu.

Referee kien Alper Can.

It-Tieni Diviżjoni

Żebbuġ Youngsters – Senglea Gunners 0-6

Senglea Gunners irritornaw għar-rebħ wara l-pass falz kontra Birżebbuġa St Peter’s wara li għelbu lil Żebbuġ Youngsters 6-0.

Kienet logħba fejn is-Sengleani ħarġu mal-ewwel fuq l-attakk u marru minn fuq wara seba’ minuti logħob minn Nenad Stankic. Fis-26 minuta Philip Christopher għamilhom 2-0 sabiex Glenn Bonello għaqqad tliet gowls qabel tmiem l-ewwel taqsima.

Fit-tieni taqsima, iż-Żebbuġin ma setgħux irażżnu l-furja tal-avversarji u spiċċaw qalgħu tliet gowls oħra minn Philip Christopher, Ola Olajide u Ousman Touray.

Referee kien Sillah Alhasana.

Gudja Wanderers – Birżebbuġa St Peter’s AFC 0-2.

Birżebbuġa St Peter’s AFC għelbu lil Gudja Wanderers 2-0 sabiex qed jaqsmu t-tieni post tal-klassifika flimkien ma’ Senglea Gunners.

It-tim min-naħa t’isfel ta’ Malta kien ferm tajjeb filwaqt li skorja gowl f’kull taqsima sabiex aċċerta ruħu mit-tliet punti.

Protagonista kien Oussama Boutayeb li skorja doppjetta personali u ta r-rebħa lit-tim tiegħu.

Referee kien Gjorgji Bitri.

It-Tielet Diviżjoni

Qajjenza ACJ – Naxxar Victorians 0-4

Naxxar Victorians kisbu rebħa kbira ta’ 4-0 kontra Qajjenza ACJ sabiex qabżu fit-tielet post tal-klassifika.

Kien Dejan Mihajlovic li poġġa lil Naxxar Victorians minn fuq sabiex Rikiho Komatsu irdoppja l-iskor ftit minuti wara.

Fit-tieni taqsima, Christopher Cutajar u Ryo Hida għaqqdu l-poker għall-Victorians li b’hekk kienu qed jiksbu t-tielet rebħa staġjonali.

Referee kien Jonathan Balzan.

KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI

Għaxaq Wolves 31, Marsa St Michael’s 28, Valletta St Paul’s 25, Balluta Barracudas 24, San Ġiljan Saints 15, San Ġwann Pro Evolution 12, Ta’ Ġiorni Wanderers 4, Mqabba Albions 0.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI

Valletta Stars St Dominic 27, Birzebbuġa St Peter’s AFC, Senglea Gunners 19, Attard Edex Kings 15, Żebbuġ Youngsters 13, Ħamrun Amateurs 8, Gudja Wanderers 6, Ħal Far Titans 0.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI

Swieqi United AFC 26, Naxxar Victorians 12, Qajjenza AFC 14, St Paul’s Bay NMFC 10, Mosta Vikings 3.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport