Marsa St Michael u Valletta St Paul’s irreġistraw rebħiet kbar fit-tielet ħarġa tagħhom fil-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA.
Iċ-champions Valletta St Paul’s iddominaw il-konfront kontra San Ġwann Pro Evolution Academy tant li rebħu bl-iskor ta’ 4-0.
Il-Beltin skorjaw żewġ gowls f’kull taqsima sabiex b’din ir-rebħa laħqu lil Għaxaq Wolves f’ras il-klassifika.
Elton da Silva poġġa lit-tim mill-kapitali minn fuq fid-19-il minuta sabiex Gary Tanti irdoppja l-iskor tliet minuti wara.
Fit-tieni taqsima, il-pjan tal-logħba qajla nbidel hekk kif Lucas dos Santos skorja t-tielet gowl u Matheus Verissimo issiġġilla r-rebħa għat-tim tiegħu.
Referee kien Peter Abela.
Anke Marsa St Michael’s ixxalaw u għelbu lil Mqabba Albions 6-1 sabiex irritornaw għar-rebħ wara t-telfa kontra Valletta St Paul’s.
Il-Marsin kienu diġa’ 3-0 minn fuq hekk kif Shawn Vella skorja doppjetta b’Oussama Boutayeb li għamilhom tlieta, ħames minuti minn tmiem l-ewwel taqsima.
Fit-tieni taqsima, Marsa St Michael skorjaw tliet gowls oħra permezz ta’ doppjetta ta’ Nikola Neskovic u gowl ieħor ta’ Lamin Jaiteh.
Mqabba naqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ Calvin Agius.
Referee kien Sillah Alhasana.
Fit-tieni diviżjoni, Valletta Stars St Dominic telgħu fit-tieni post tal-klassifika wara li għelbu lil Żebbuġ Youngters 4-0. Il-Beltin kienu diġa’ 4-0 minn fuq sa tmiem l-ewwel taqsima sabiex fit-tieni 35 minuta, huma kkontrollaw is-sitwazzjoni u ħarġu bit-tieni rebħa staġjonali.
L-eroj tal-Beltin kien Miguel Peresj li skorja doppjetta personali filwaqt li Fedelelo Marsne u Klajdi Qose issiġġillaw ir-rebħa finali.
Referee kien Jules Ngangue.
Birżebbuġa St Peter’s u Senglea Gunners temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw pjaċevoli ta’ 1-1. Dan id-draw ftit biddel is-sitwazzjoni fil-klassifika taż-żewġ timijiet b’Birżebbuġa li baqgħu l-ewwel b’punt vantaġġ fuq it-tliet timijiet fit-tieni post.
Nenad Stanic poġġa lis-Sengleani minn fuq fit-12-il minuta wara li bir-ras għeleb lil Darren Abela Tabone.
Birżebbuġa ġabu l-iskor indaqs fil-31 minuta b’azzjoni insistenti ta’ David Chidera Ejiofor li ntemmet bix-xutt tiegħu jispiċċa ġewwa.
Fit-tieni taqsima, il-logħba baqgħet tkun bilanċjata iżda ħadd miż-żewġ timijiet ma rnexxielu jsib ix-xibka.
Referee kien Paul Apap.
Fit-tielet diviżjoni, Swieqi United AFC komplew jiddominaw il-kampjonat meta kisbu rebħa kbira ta’ 6-0 kontra Naxxar Victorians. Huma għandhom punti massimi minn tliet logħbiet u diġa’ seba’ punti vantaġġ fuq it-tieni tim.
Arthur Sultana poġġa lil Swieqi minn fuq fis-7 minuta sabiex l-aqwa skorer tal-kampjonat David Akindelle għamilhom 2-0 mal-kwarta logħob. Qabel tmiem l-ewwel taqsima, Iilius Offorzor skorja t-tielet gowl.
Fit-tieni taqsima, Joao Aleya, Arthur Santana u Yunnis Palacios għamlu l-iskor wieħed tennistiku għal Swieqi.
Referee kien Alex Grech.
KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI
Għaxaq Wolves, Valletta St Paul’s 9, Balluta Barracudas, Marsa St Michael’s 6, San Ġwann Pro Evolution Academy, San Ġiljan Saints, Ta’ Ġiorni Wanderers 1, Mqabba Albions 0.
KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI
Birżebbuġa St Peter’s AFC 5, Valletta Stars St Dominic, Żebbuġ Youngsters, Ħamrun Amateurs, Senglea Gunners 4, Gudja Wanderers, Attard Edex Kings 3, Ħal Far Titans 0.
KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI
Swieqi United AFC 9, Naxxar Victorians 2, St Paul’s Bay NMFC, Qajjenza AFC 1, Mosta Vikings 0.