Friday, November 15, 2024

MAFA: Mqabba Albions jegħlbu liċ-champions

Aqra wkoll

It-tim promoss ta’ Mqabba Albions wettqu waħda mill-ewwel sorpriżi ta’ tmiem din il-ġimgħa fil-Mochika MAFA L-Ewwel Diviżjoni hekk kif għelbu liċ-champions San Ġiljan Saints 2-1. 

L-Imqabbin kienu ferm kumpatti fid-difiża u bdew itellgħu kontrattakki perikolużi bl-avversarji ferm iktar ikkwotati minnhom li sabuha ferm diffiċli jilagħbu l-logħob tipiku tagħhom.

Wara skor ta’ 0-0 sa tmiem l-ewwel taqsima, Mqabba marru minn fuq fil-55 minuta permezz ta’ Ebrima Konateh. San Ġiljan ġabu l-iskor indaqs żewġ minuti wara minn penalty ta’ Robert Veskimae.

Mqabba Albions żammew l-aggressivita’ tagħhom u ngħataw penalty fit-63 minuta li ġie skorjat minn Jeferson da Silva Pineiro. 

Referi kien Gordon Barbara.

L-isfidanti għat-titlu Valletta St Pauls kisbu l-ewwel rebħa staġjonali wara li għelbu lil Tal-Qroqq Versity Kamelasa 2-0. 

Minkejja r-rebħa, ma kinitx xi logħba faċli għall-Beltin bit-tim minn Tal-Qroqq li beda jtella’ xi kontrattakki perikolużi bil-gowlkiper Jianiro Camilleri li wettaq saves tajba biex żamm lit-tim tiegħu fil-logħba.

Christian Caruana fetaħ l-iskor għal Valletta St Pauls wara 19-il minuta logħob sabiex Bernardo Geraldo Rosa rdoppja l-iskor fil-31 minuta.

Referi kien Alex Grech.

Marsa St Michael ħadu l-ewwel tliet punti tal-istaġun wara skor ta’ 2-1 kontra t-tim promoss ta’ San Ġwann Pro Evolution Academy. 

Il-Marsin sabu ruħhom gowl minn taħt għalkemm xorta waħda żammew il-konċentrazzjoni sabiex qalbu l-iskor favurihom.

Kien Swann Vachet li poġġa lill-istudenti Franċiżi minn fuq fit-22 minuta sabiex Kieran Flint ġab l-iskor indaqs fid-29 minuta.

Armando Hussein skorja dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa għall-Marsin fil-65 minuta.

Referi kien Jason Penza.

Senglea Gunners ma sabuhiex faċli sabiex għelbu lit-tim promoss ta’ Żebbuġ Youngsters 3-1. Dawn tal-aħħar taw qalbhom kontra l-avversarji ferm aktar ikkwotati minnhom u f’mument minnhom ġabu d-dro għalkemm l-esperjenza tat-tim mill-Kottonera kienet determinanti f’din is-sitwazzjoni.

Seedy Fofana skorja l-ewwel gowl tal-logħba għal Senglea sabiex kmieni fit-tieni taqsima Liam Gatt għamilhom 1-1 għal Żebbuġ.

Fit-52 minuta, il-Gunners ingħataw penalty li ġie skorjat minn George Frendo sabiex awtogowl ta’ David Lalosevic issiġġilla r-rebħa għat-tim tiegħu.

Referi kien CJ Saliba.

Mill-kampjonat tat-tielet diviżjoni, kellna d-debutt ta’ żewġ timijiet Indjani Attard Edex Kings u Buġibba Club de Swat li t-tnejn li huma kisbu dro fl-ewwel konfront tagħhom.

Attard Edex Kings u Gżira United Sports Club spiċċaw fi dro ta’ 3-3. Kienet logħba mimlija gowls biż-żewġ naħat li ma qagħdux lura milli jattakkaw.

Olmo Timon Avila poġġa lil Gżira minn fuq sabiex Shamseer Nalukudi Parambu u Estaban Pereira dawwru l-iskor għal 2-1. Irvine Mifsud għamilhom 2-2 għal Gżira b’Singh Rajpal jerġa’ jpoġġi lil Attard minn fuq.

Irvine Mifsud għaqqad doppjetta personali għal Gżira għal skor finali ta’ 3-3.

Referi kien Reno Galea.

Buġibba Club de Swat u Għaxaq Wolves spiċċaw fi dro ta’ 2-2. Kienet logħba ferm akkanita bejn żewġ timijiet li riedu jibdew l-impenji tagħhom fil-MAFA b’rebħa għalkemm fl-aħħar mill-aħħar l-iskor spiċċa fi dro.

Club de Swat stabilixxew vantaġġ ta’ 2-0 sa tmiem l-ewwel taqsima wara li Ramshad Kumaprath u Justin Jenson skorjaw fid-9 u fl-34 minuta. 

Fit-tieni taqsima, Għaxaq Wolves wettqu reazzjoni u ġabu l-iskor indaqs b’doppjetta ta’ Diego Fernando Pereira bil-gowl tad-dro jiġi skorjat fil-ħin mogħti żejjed mir-referi.

Referi kien Peter Abela.

Ekonomija

Sport