Wednesday, December 25, 2024

MAFA: San Ġiljan Saints jibqgħu l-ewwel wara rebħa kbira

Aqra wkoll

San Ġiljan Saints baqgħu jżommu l-konsistenza tagħhom fil-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA meta ftit sabu diffikulta’ sabiex għelbu lil Valletta Stars. Fl-istess waqt, Senglea Gunners li wkoll qed jisfidaw għat-titlu baqgħu punt biss bogħod mill-Ġiljaniżi wara rebħa minima ta’ 2-1 kontra Tal-Qroqq Versity Kamelasa.

Valletta St Pauls ixxalaw fil-logħba kontra Qormi Hotspurs u bit-tliet punti li kisbu jinsabu sitt punti bogħod mill-quċċata. Mill-banda l-oħra, Żurrieq Sunrise setgħu jiġu biss fi dro ta’ mingħajr gowls kontra Marsa St Michael.

San Ġiljan Saints kisbu t-tmien rebħa staġjonali wara skor ta’ 5-1 kontra Valletta Stars. Il-Ġiljaniżi kienu motivati sabiex jieħdu t-tliet punti minn din il-partita u mal-ewwel ħarġu fuq l-attakk tant li wara għaxar minuti marru minn fuq permezz ta’ Robert Veskimae.

Ionut Popescu rdoppja l-iskor għas-Saints sakemm Carlos Alonso naqqas il-marġni tal-iskor għall-Beltin.

It-tieni taqsima kienet kollha kemm hi ta’ San Ġiljan Saints li ħarġu ferm aggressivi b’Robert Veskimae jiskorja t-tielet gowl u b’Ethan Goodman jiskorja doppjetta wieħed minnhom bi ġmiel ta’ gowl mid-distanza u jissiġġilla r-rebħa għat-tim tiegħu.

Referee kien Joe Camilleri.

Senglea Gunners baqgħu punt bogħod mill-quċċata meta dawru telfa f’rebħa u għelbu lil Tal-Qroqq Versity Kamelasa 2-1.

Kienet logħba ferm sabiħa b’Tal-Qroqq jagħtu logħba tajba lill-avversarji ferm aktar ikkwotati minnhom u kien proprju lejn l-aħħar li sofrew il-gowl li wassalhom għat-telf.

Thomas Battaglia poġġa lil Tal-Qroqq Versity Kamelasa minn fuq wara 21 minuta għalkemm ir-risposta Sengleana kienet immedjata hekk kif George Frendo ġab l-iskor indaqs tliet minuti wara.

L-istess Frendo spiċċa kien l-eroj tat-tim mill-Kottonera hekk kif skorja l-gowl li ddeċieda l-konfront.

Referee kien Lorry Sammut.

Marsa St Michael u Żurrieq Sunrise temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ta’ 0-0. Kienet logħba ferm monotona biż-żewġ timijiet li ftit ħolqu opportunitajiet lejn il-lasti avversarji.

Dan id-dro ftit ikkuntenta liż-żewġ naħat, iktar u iktar Żurrieq Sunrise li għadhom qed jisfidaw għall-unuri.

Għal Marsa dan il-punt servihom sabiex jitbiegħdu miż-żona l-ħamra hekk kif jinsabu ħames punti vantaġġ mit-tielet tim mill-aħħar.

Valletta St Pauls rebħu l-partita tagħhom kontra Qormi Hotspurs bl-iskor ta’ 5-1.

Il-Beltin iddominaw il-konfront kontra l-Qriema f’partita kkundizzjonata minn ħafna xita li għamlet is-sitwazzjoni ferm diffiċli għaż-żewġ timijiet.

Tyron Borg poġġa lil Valletta St Pauls fil-vantaġġ fl-24 minuta sabiex Nikolay Filipov irdoppja l-iskor sitt minuta wara. Man-nofs siegħa logħob id-difensur ta’ Qormi Lyon Caruana xeħet fix-xibka tiegħu stess għall-awtogowl klassiku.

Fit-tieni taqsima, il-pjan tal-logħba qajla nbidel b’Tyron Borg iżid gowl ieħor għall-Beltin u b’Qormi Hotspurs li fallew penalty bil-gowlkiper Jianiro Camilleri jilqa’ tajjeb it-tentattiv tal-plejer ta’ Qormi.

Fil-65 minuta, il-Qriema ngħataw it-tieni penalty tal-ġurnata li din id-darba ġie skorjat minn Kyle Sultana.

Minkejja kollox, kien Nikolay Filipov li skorja r-raba’ gowl Belti u t-tieni wieħed personali għal skor finali ta’ 4-1.

Referee kien CJ Saliba.

Mill-kampjonat tat-tielet diviżjoni spikkat ir-rebħa ta’ 3-2 li Ta’ Ġiorni Wanderers kellhom fuq Swieqi Braves.

B’din ir-rebħa it-tim immexxi minn Andrew Sant Fournier daħal fit-tiġrija għall-promozzjoni hekk kif jinsabu biss tliet punti bogħod mil-leaders Floriana Fsobians.

Kienet logħba ta’ botta u risposta bi Swieqi li jmorru fil-vantaġġ wara 25 minuta logħob permezz ta’ Antoine Penas u b’Luke Mifsud li jġib l-iskor indaqs sitt minuti wara.

Fit-tieni taqsima l-Wanderers ħarġu tajjeb u marru minn fuq fit-48 minuta permezz ta’ Daniel Neeraj Bharwani u żiedu ieħor erba’ minuti wara permezz ta’ Emanuele Ferlaino.

Eżatt mal-71 minuta, Jean Leo Bontemps naqqas il-marġni tal-iskor għall-istudenti Franċiżi għalkemm kien tard wisq biex jieħdu xi ħaġa minn din il-partita.

Referee kien Jean Pierre Mifsud.

Gudja Wanderers kisbu l-ewwel rebħa staġjonali wara li għelbu lil Ħal Far Sparks bl-iskor ta’ 2-0. B’din ir-rebħa t-tim immexxi minn Ayrton Caruana laħaq lill-istess avversarji fil-klassifika.

Il-gowls l-aktar importanti li taw it-tliet punti lill-Gudjani ġew skorjati fit-tieni taqsima l-ewwel permezz ta’ Karl Bianco u ftit wara kien Neil Baldacchino li ssiġġilla r-riżultat finali.

Referee kien Alex Grech.

Ekonomija

Sport