Sunday, November 3, 2024

MAFA: San Ġwann Pro Evolution u Żebbuġ Youngsters f’decider għar-rebħ tal-kampjonat

Aqra wkoll

Se tkun meħtieġa decider bejn San Ġwann Pro Evolution Academy u Żebbuġ Youngsters sabiex jiġi determinat min se jkun ir-rebbieħ tal-kampjonat tat-tieni diviżjoni tal-MAFA wara li ż-żewġ timijiet spiċċaw bl-istess numru ta’ punti fil-klassifika.

Fl-aħħar ġurnata ta’ dan il-kampjonat sar magħruf ukoll li Fgura Spartans hu t-tieni tim relegat għat-tielet diviżjoni flimkien ma’ Żejtun Laċċi bi Mqabba Albions li qabżu lil Balluta Barracudas fit-tielet post tal-klassifika.

Żebbuġ Youngsters batew aktar milli mistenni sabiex għelbu lil Balluta Barracudas bl-iskor ta’ 1-0.

Il-Youngsters kienu ġejjin minn telfa kontra San Ġwann Pro Evolution Academy u riedu t-tliet punti akkost ta’ kollox sabiex jibqgħu bl-isfida tagħhom għar-rebħ tal-kampjonat.

Wara taqsima xi ftit kwieta, Żebbuġ bdew jheddu l-lasti ta’ Balluta bil-gowlkiper Luke Grech li laqa’ diversi tentattivi tal-attakkanti Żebbuġin.

Iż-Żebbuġin fetħu l-iskor fil-61 minuta meta kien Bruno Vagenin li b’xutt mill-ewwel ħasad lil Grech li kellu jiġbor il-ballun mix-xibka.

Balluta kienu ferm viċin li jġibu d-dro iżda d-daqqa ta’ ras ta’ Andy Shaw ħabtet mal-wieqfa.

Referi kien Lorry Sammut.

B’hekk Żebbuġ se jilagħbu d-decider kontra San Ġwann Pro Evolution Academy li fil-grawnd ta’ Marsaxlokk għelbu lil Fgura Spartans 2-0. B’din it-telfa, dawn tal-aħħar ġew relegati għall-kampjonat tat-tielet diviżjoni.

L-istudenti Franċiżi kienu determinati li jiksbu s-suċċess finali minn dan il-konfront u skorjaw gowl f’kull taqsima l-ewwel permezz tal-aqwa skorer tagħhom Swann Vachet fil-25 minuta sabiex Wissam Bensaidi rdoppja l-iskor fit-52 minuta.

Referi kien Jason Penza.

Mqabba Albions temmew il-kampjonat tagħhom fit-tielet post tal-klassifika meta dawru telfa f’rebħa sabiex għelbu lil Mosta Vikings 2-1.

Kienet logħba ferm kumbattuta biż-żewġ timijiet jattakkaw sabiex jippruvaw jieħdu t-tliet punti finali.

Minkejja t-telfa l-Vikings salvaw posthom fit-tieni diviżjoni. Huma marru minn fuq wara biss ħames minuti permezz tal-aqwa skorer tagħhom Calvin Agius.

L-Albions wettqu reazzjoni u ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Miguel Grima sabiex eżatt fil-ħin mogħti żejjed mir-referi kien Jayden Pace li tahom it-tliet punti li bihom ħadu t-tielet post.

Referi kien Karl Galea.

Żejtun Laċċi kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva meta għelbu lil Naxxar Victorians 3-0. Minkejja din ir-rebħa, Żejtun kienu diġa’ relegati għalkemm anke f’din il-partita kellhom wirja kbira bid-difiża Naxxarija li żammet soda sal-ewwel nofs siegħa logħob u eventwalment sabitha diffiċli tikkontrolla l-furja tal-avversarji.

Norman Hill poġġa lil Laċċi fil-vantaġġ sabiex Kledi Bakousk irdoppja mas-siegħa logħob. Juan Scerri skorja t-tielet gowl minn penalty tliet minuti mit-tmiem.

Referi kien Gjorgji Bitri.

Mill-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Żabbar Southsiders ingħataw walk-over u eventwalment rebħa ta’ 2-0 fuq Ħal Far Spark wara li dawn tal-aħħar ma ppreżentawx ruħhom għal-logħob.

Sport