Wednesday, December 25, 2024

MAFA: Senglea Gunners u Marsa St Michael fil-quċċata

Aqra wkoll

Senglea Gunners u Marsa St Michael huma l-leaders il-ġodda tal-Mochika MAFA L-Ewwel Diviżjoni wara li rebħu l-konfronti rispettivi tagħhom wara li dawk preċedenti Valletta St Paul’s fallew kontra San Ġiljan Saints.

Senglea Gunners ma tantx sabuha diffiċli sabiex jegħlbu lil Mqabba Albions bl-iskor ta’ 2-0.

Kienet logħba li laħqet il-qofol tagħha fil-bidu tat-tieni taqsima meta s-Sengleani skorjaw żewġ gowls f’erba’ minuti sabiex aċċertaw ruħhom mit-tliet punti l-aktar prezzjużi.

Mqabba kellhom diversi pedini importanti neqsin u dan il-fattur effettwa bil-kbir.

Kien Seedy Fofana li skorja ż-żewġ gowls ta’ Senglea li b’hekk tellgħuhom fl-ewwel post tal-klassifika flimkien ma’ Marsa St Michael li l-logħba tagħhom kontra Tal-Qroqq Versity Kamelasa ħaduha walk-over meta dawn tal-aħħar ma tfaċċawx fil-grawnd.

Referee kien Alex Grech.

Fil-partita ta’ tmiem din il-ġimgħa, iċ-champions San Ġiljan Saints fetħu beraħ il-kampjonat wara li għelbu lil-leaders Valletta St Pauls 2-1.

Kienet logħba ferm akkanita biż-żewġ naħat joffru futbol sabiħ apparti li l-konfront kien missielet sal-aħħar.

Il-Ġiljaniżi fetħu vantaġġ bikri b’Valletta li ħallew għall-aħħar sabiex wettqu reazzjoni għalkemm lejn l-aħħar ġew imċaħħda minn penalty li eventwalment ma ngħatax.

Kien Robert Veskimae li wara erba’ minuti logħob poġġa lil San Ġiljan minn fuq sabiex Conor Murphy għamilhom 2-0 erbatax-il minuta wara.

Valletta ħarġu ferm aggressivi fit-tieni taqsima u naqqsu l-marġni tal-iskor fis-67 minuta minn Radovan Duric.

Proprju lejn l-aħħar, Valletta ġew imċaħħda minn penalty ċar meta Bjorn Bondin twaqqa’ fil-kaxxa minn difensur ta’ San Ġiljan bir-referee li ħalla l-logħob għaddej fost il-protesti tal-plejers Beltin.

Referee kien Jonathan Balzan.

San Ġwann Pro Evolution Academy kisbu rebħa importanti ta’ 3-0 kontra Żebbuġ Youngsters sabiex tbiegħdu miż-żona l-ħamra.

Kien Florian Bastin li poġġihom minn fuq fit-28 minuta sabiex doppjetta lejn l-aħħar ta’ Elson Zogejani tawhom ir-rebħa finali.

Min-naħa ta’ Żebbuġ Youngsters, din it-telfa fissret li huma jinsabu ferm viċin lejn ritorn fit-tieni diviżjoni.

Referee: Peter Abela.

Fit-tielet diviżjoni, Attard Edex Kings fetħu vantaġġ ta’ erba’ punti f’ras il-klassifika meta fil-konfront dirett għelbu lil Għaxaq Wolves bl-iskor ta’ 2-0.

Kienet logħba li Attard ikkontrollaw tajjeb b’Għaxaq li minkejja li tjiebu fit-tieni taqsima ftit setgħu jinfdu d-difiża soda tal-avversarji.

Kien Miguel Angel li poġġa lil Attard minn fuq wara 18-il minuta. F’nofs l-ewwel taqsima, Għaxaq ingħataw penalty iżda t-tentattiv ta’ Victor Oluwuyo spiċċa barra.

Man-nofs siegħa logħob, Attard issiġġillaw ir-rebħa meta kien Braham Garcia li wara li rċieva cross mix-xellug b’xutt mill-ewwel għeleb lil Deemer Tabone.

Referee kien Jean Pierre Mifsud.

Buġibba Club de SWAT irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Fgura Spartans 3-0.

Kien Sanal Varghese li skorja doppjetta fit-12 u fit-30 minuta sabiex Nishad Ambyathingal żied ieħor fit-58 minuta.

Referee kien Lorry Sammut.

KLASSIFIKA– MOCHIKA MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI

Senglea Gunners, Marsa St Michael 18, Valletta St Paul’s 17, San Ġiljan Saints 16, Tal-Qroqq Versity Kamelasa 11, San Ġwann Pro Evolution Academy 13, Mqabba Albions 8, Żebbuġ Youngsters 1

KLASSIFIKA – MAFA THIRD DIVISION  

Attard Edex Kings 21, Għaxaq Wolves 17, Gzira United Sports Club, Buġibba Club de SWAT 14, Fgura Spartans 8, Ħamrun Amateurs 6. 

Ekonomija

Sport