Il-leaders tal-kampjonat tat-tieni diviżjoni tal-MAFA Swieqi Braves batew aktar milli mistenni sabiex għelbu lit-tim tal-qiegħ Żabbar Southsiders 2-1.
Kienet logħba ferm bilanċjata fejn id-differenza ta’ 18-il punt bejn dawn iż-żewġ timijiet xejn dehret. Żabbar frustraw ferm lill-istudenti Brażiljani u kienu ferm żvinturati li ma ħarġux minn tal-inqas draw minn dan il-konfront.
Min-naħa ta’ Swieqi huma jistgħu jiċċelebraw il-promozzjoni sa mill-ġurnata li jmiss minħabba li issa fetħu vantaġġ tajjeb ta’ tmien punti fuq it-tieni tim.
Kienu Swieqi li marru fil-vantaġġ wara tliet minuti logħob permezz ta’ Joao Santos li wiċċ imb’wiċċ mal-goalkeeper Manu ma żbaljax.
Żabbar kellhom reazzjoni f’waqtha u ġabu l-iskor indaqs żewġ minuti wara meta wara kontrattakk veloċi kien Gabriel Calleja li għeleb lil Erik Vital.
Swieqi skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa fit-58 minuta wara li Pedro Silva avvanza tajjeb man-naħa xellugija tal-grawnd u b’xutt għar-rokna għeleb lill-keeper ta’ Żabbar.
Referee kien CJ Saliba.
Gudja Wanderers issorprendew lill-favoriti Valletta Stars St Dominic hekk kif rebħulhom 2-1. Kienet logħba ferm miftuħa bil-Gudjani li kienu ferm motivati li ma jħallux lill-Beltin jagħmlu li jridu.
Minkejja li sabu ruħhom minn taħt, it-tim rebbieħ kien kapaċi jdawwar ir-riżultat bit-tieni taqsima tagħhom li kienet waħda perfetta.
Kien Isaac Bonello li poġġa lill-Istilel Beltin minn fuq sabiex fit-tieni taqsima fil-51 minuta Braden Calleja għamilhom 1-1 b’Oulaiwi Enwar jiskorja l-gowl drammatiku tliet minuti minn tmiem il-partita.
Referee kien Reno Galea.
Bit-telfa tal-Beltin approfittaw Balluta Barracudas li kisbu rebħa tennistika ta’ 6-1 kontra Birkirkara St Josephu b’hekk qabżu fit-tieni post tal-klassifika.
Kienet logħba li l-Cudas iddominaw mill-bidu sal-aħħar u bil-Karkariżi li sabuha ferm diffiċli jrażżnu lill-attakkanti avversarji li kienu f’forma mill-aqwa.
Jake Chetcuti poġġa lill-Balluta minn fuq sabiex wasal il-mument tal-iskorer prolifiku Kain Gauci li f’temp ta’ 25 minuta skorja tripletta li kompla jgħaddas lil Birkirkara St Joseph aktar ‘l isfel.
Andrew Tortell żied ieħor għal Balluta bi Brandon Agius li għaqqad l-iskor tennistiku u b’Shiro Luengas de La Hoz innaqqas il-marġni tal-iskorer għal Birkirkara.
Referee kien Lorry Sammut.
Ta’ Ġiorni Wanderers reġgħu daħlu fit-taqtiegħa għall-promozzjoni hekk kif għelbu lil Naxxar Victorians 4-2 f’logħba mimlija azzjonijiet u gowls.
It-tim minn Ta’ Ġiorni issa jinsab biss tliet punti bogħod miż-żona promozzjoni u għalhekk kollox jista’ jiġri f’dan ir-rigward.
Jacob Cassar Ellis poġġa lil Ta’ Ġiorni minn fuq b’Edward Micallef Stafrace li żied ieħor qabel ma’ Keith Zammit Tabone naqqas l-iskor għal Victorians. Qabel tmiem l-ewwel taqsima, Liam Caruana Montalto żied ieħor għal Ta’ Ġiorni bl-ewwel taqsima tagħlaq 3-1.
Fit-tieni taqsima, Naxxar reġgħu daħlu fil-logħba hekk kif Maverick Cassar għamilhom 3-2 għalkemm ir-risposta ta’ Ta’ Ġiorni waslet immedjatament hekk kif Samuel Barthet issiġġilla r-rebħa finali għal Ta’ Ġiorni.
Referee kien Peter Abela.
Ħamrun Amateurs dawru telfa f’rebħa hekk kif għelbu lil Buġibba Club de SWAT 3-1.
Kienet logħba fejn il-Ħamruniżi baqgħu kalmi u konċentrati minkejja li sfaw ruħhom gowl minn taħt.
Mill-banda l-oħra, it-tim minn Buġibba naqas milli jwettaq reazzjoni fit-tieni taqsima bl-avversarji tagħhom li kkontrollaw tajjeb il-logħob.
Kien Dilshad Panolath li poġġa lil Buġibba Club de SWAT minn fuq fil-11-il minuta sabiex Josef Zammit skorja doppjetta personali għal Amateurs għal skor ta’ 2-1 sa tmiem l-ewwel taqsima.
Fit-tieni taqsima, Marko Veselinov issiġġilla r-rebħa għal Ħamrun Amateurs li issa telgħu bi 12-il punt fil-klassifika.
Referee kien Karl Galea.
KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI
Swieqi Braves 28, Balluta Barracudas 20, Valletta Stars St Dominic 19, Ta’ Ġiorni Wanderers 17, Gudja Wanderers 13, Birkirkara St Joseph 12, Naxxar Victorians 8, Żabbar Southsiders 7.
KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI
Attard Edex Kings 24, Għaxaq Wolves 20, Gżira United Sports Club, Buġibba Club de SWAT 14, Ħamrun Amateurs 12, Fgura Spartans 8