Swieqi Braves kisbu r-raba’rebħa konsekuttiva meta għelbu lil Żabbar Southsiders 3-1.
Wara din ir-rebħa, it-tim minn Swieqi fetaħ vantaġġ ta’ ħames punti fuq l-eqreb rivali tagħhom li issa huma Birkirkara St Joseph.
F’xita li bdiet nieżla b’mod kontinwu fil-grawnd ta’ Marsaxlokk, Swieqi għamlu l-intenzjonijiet ċari sa mill-bidu u marru minn fuq wara 13-il minuta logħob permezz tal-aqwa skorer tal-kampjonat Felix Roberty Silva.
Seba’ minuti wara, l-istess plejer Brażiljan għamilhom 2-0 u hekk għalqet l-ewwel taqsima.
Is-Southsiders naqqsu l-marġni tal-iskorer permezz ta’ Luke Cachia għalkemm Swieqi Braves issiġġillaw ir-rebħa minuta qabel tmiem il-partita permezz ta’ Alan Brandao.
Referee kien Karl Stefan Galea.
Birkirkara St Joseph telgħu fit-tieni post tal-klassifika wara li għelbu lil Balluta Barracudas 3-2. Il-Karkariżi qed ikollhom kampjonat ferm pożittiv u dan kollu deher f’din il-partita fejn anke għarfu jiġu minn gowl minn taħt.
Kienu l-Cudas li marru minn fuq permezz ta’ Kain Gauci għalkemm Birkirkara St Joseph ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Jamie Micallef Grimaud.
Fit-tieni taqsima, Ahmed Tariq poġġa għall-ewwel darba lil Birkirkara minn fuq fl-40 minuta sabiex Thomas Mifsud reġa’ ġab l-iskor indaqs għal Balluta Barracudas tliet minuti wara.
Minkejja kollox, Birkirkara St Joseph kienu determinati li jiksbu t-tliet punti finali b’AlanYeomans jiskorja l-gowl rebbieħ.
Referee: Jean Pierre Mifsud.
Valletta Stars irritornaw għar-rebħ wara żewġ telfiet konsekuttivi meta għelbu lil Gudja Wanderers 2-1.
Kienet logħba ferm akkanita biż-żewġ naħat li kellhom bżonn rebħa sabiex jitilgħu aktar ‘il fuq fil-klassifika.
Il-Beltin marru fil-vantaġġ man-nofs siegħa logħob meta kien Qose Klajdi li għeleb lill-gowlkiper ta’ Gudja Liam Caruana.
Hekk kif l-ewwel taqsima, l-iskor kien 1-0, fit-tieni 35 minuta Gudja ħarġu tajjeb u ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Keith Mifsud.
Valletta reġgħu marru fil-vantaġġ fit-62 minuta permezz tal-iskorer prolifiku Isaac Bonello.
Gudja kellhom iċ-ċans li jiskorjaw il-gowl tad-dro iżda b’mod inkredibbli fallew penalty meta Matthew Vassallo ra x-xutt mill-11-il metru milqugħ minn Jhon Pulido.
Referee kien Gordon Barbara.
Sadanittant il-logħba bejn Naxxar Victorians u Ta’ Ġiorni Wanderers ġiet posposta minħabba li l-grawnd ta’ Kordin C ma kienx f’kundizzjoni li jintlagħab il-logħob fih wara x-xita kontinwa li niżlet.
Mill-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Attard Edex Kings telgħu waħedhom fl-ewwel post tal-klassifika wara skor ta’ 2-0 kontra Ħamrun Amateurs.
Rajpal Singh skorja ż-żewġ gowls għat-tim Indjan sabiex b’hekk għen lit-tim tiegħu jirreġistra t-tieni rebħa staġjonali.
Referee kien Lorry Sammut
KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI
Swieqi Braves 12, Birkirkara St Joseph 7, Valletta Stars, Balluta Barracudas, Żabbar Southsiders 6, Ta’ Ġiorni Wanderers 4, Naxxar Victorians 3, Gudja Wanderers 0
KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI
Attard Edex Kings 8, Gżira United, Għaxaq Wolves 5, Buġibba Club de Swat, Fgura Spartans 4, Ħamrun Amateurs 0