Sunday, December 22, 2024

MAFA: Swieqi Braves jiksbu l-ikbar rebħa tal-ġurnata

Aqra wkoll

Swieqi Braves kisbu rebħa kbira ta’ 9-2 kontra Naxxar Victorians sabiex telgħu waħedhom fl-ewwel post tal-klassifika tal-kampjonat tat-tieni diviżjoni tal-MAFA.

Kif jindika l-iskor, Swieqi kienu dominanti tul il-partita kollha b’Naxxar li ma setgħux isibu tarf tas-sitwazzjoni.

Felix Silva Roberty skorja hat-trick filwaqt li Kessley Lopes Dos Santos kien awtur ta’ doppjetta personali.

Lucas Correia Hennings, Italo Costa dos Santos, Alan Mendes Brandao u awtogowl ta’ Jack Azzopardi aċċertaw mit-tliet punti għall-istudenti.

Naxxar Victorians skorjaw gowl f’kull taqsima permezz ta’ Ernesto Hoxha u Antonio Dattoli.

Referee kien Alex Grech. 

Valletta Stars naqqsu milli jżommu l-bidu perfett li kellhom meta tilfu kontra Balluta Barracudas bl-iskor ta’ 3-2.

Kienet logħba ferm bilanċjata li laħqet il-qofol tagħha fl-ewwel taqsima meta ġew skorjati l-gowls kollha tal-logħba.

Valletta stabilixxew vantaġġ bikri li madankollu ftit damu jgawduh b’Balluta li għalkemm reġgħu sabu ruħhom 2-1 minn taħt għarfu jdawwru l-iskor favurihom.

Klajdi Qose poġġa lill-Beltin minn fuq wara biss żewġ minuti għalkemm Daniel Zammit Lupi ġab l-iskor indaqs għal Balluta.

Jon Andoni Fernandez reġa’ kiseb vantaġġ għall-Istilel Beltin b’Andrew Tortell iġib l-iskor indaqs għal darb’oħra.

Il-gowl li kellu jagħti l-ewwel tliet punti tal-istaġun lil Cudas ġie skorjat minn Jake Chetcuti.

Referee kienet Elaine Bonnici.

Birkirkara St Joseph taw l-ewwel telfa lil Żabbar Southsiders u kisbu l-ewwel rebħa tagħhom meta għelbuhom bl-iskor ta’ 2-0.

Il-Karkariżi skorjaw gowl f’kull taqsima li kienu biżżejjed sabiex ħadu l-ewwel tliet punti tal-istaġun.

Tony Vella Stanyer skorja fis-sitt minuta għal Birkirkara St Joseph sabiex Kyle Formosa rdoppja l-iskor fl-54 minuta.

Referee kien Jean Pierre Farrugia.

Finalment id-dwell bejn il-Wanderers intrebaħ minn Ta’ Ġiorni li għelbu lil Gudja 3-1. Tal-ewwel kienu diġa’ 2-1 minn fuq sa tmiem l-ewwel taqsima b’Gudja li ttantaw xortihom għal darba darbtejn fit-tentattiv li jġibu l-iskor indaqs.

Madankollu kienu Ta’ Ġiorni li skorjaw il-gowl rebbieħ sabiex ħadu l-ewwel tliet punti tal-istaġun.

Andrew Marshall kien awtur ta’ doppjetta filwaqt li Edward Micallef Stafrace ukoll niżżel ismu fost l-iskorers.

Keith Mifsud naqqas il-marġni tal-iskor għal Gudja Wanderers.

Referee kien Karl S.Galea.

Fil-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Buġibba Club de Swat dawwru telfa f’rebħa meta għelbu lil Ħamrun Amateurs 3-1. Dawn tal-aħħar marru fil-vantaġġ permezz ta’ Jurgen Buhagair sabiex Buġibba dawwru l-iskor favurihom permezz ta’ Azumangad Shamshand, Nishad Ambyathingal u Kirandas Kholatiparambil.

Referee: Lorry Sammut

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI

Swieqi Braves 6, Valletta Stars, Naxxar Victorians, Żabbar Southsiders, Swieqi Birkirkara St Joseph, Balluta Barracudas, Ta’ Ġiorni Wanderers 3, Gudja Wanderers 0

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI

Buġibba Club de Swat 4, Fgura Spartans 3, Attard Edex Kings, Gżira United Sports Club, Għaxaq Wolves 1, Ħamrun Amateurs 0

Ekonomija

Sport