Sunday, December 22, 2024

MAFA: Tliet timijiet fit-tiġrija għar-rebħ tal-kampjonat

Aqra wkoll

Il-leaders tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA Swieqi Braves ġew miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Balluta Barracudas sabiex naqqsu milli jkomplu jżidu l-vantaġġ f’ras il-klassifika.

Mill-banda l-oħra, Marsa St Michael issa huma uffiċjalment wieħed mit-tliet kontendenti għar-rebħ tal-kampjonat wara li għelbu liċ-champions Senglea Gunners.

Fil-kampjonat tat-tieni diviżjoni waslet l-ewwel telfa taċ-champions Għaxaq Wolves li ġew megħluba minn Gudja Wanderers filwaqt li Ħamrun Amateurs ġew uffiċjalment promossi għall-kampjonat tat-tieni diviżjoni wara draw ta’ 1-1 kontra Kalkara Flames.

Swieqi Braves u Balluta Barracudas spiċċaw fi draw ta’ 1-1 fil-partita prinċipali ta’ tmiem il-ġimgħa. Kienet logħba ferm bilanċjata li laħqet il-qofol tagħha fl-ewwel taqsima meta ġew skorjati ż-żewġ gowls.

Lucas dos Santos poġġa lill-istudenti Brażiljani minn fuq wara kwarta logħob sabiex issa jinsab waħdu fl-ewwel post tal-klassifika tal-aqwa skorers.

Balluta ġabu l-iskor indaqs fil-31 minuta permezz ta’ Jamie Moss.

Issa Swieqi fadlilhom żewġ logħbiet li jistgħu jiddeterminaw ir-rebħ tal-kampjonat hekk kif imisshom kontra Valletta St Pauls u Marsa St Michael.

Referee kien Lorry Sammut.

Marsa St Michael komplew għaddejjin bis-serje pożittiva ta’ riżultati meta għelbu lil Senglea Gunners 1-0.

Il-gowl li ddeċieda l-partita ġie skorjat 14-il minuta minn tmiem il-konfront mill-eks tal-partita Noel Tabone.

B’dawn it-tliet punti, issa Marsa jinsabu biss punt bogħod mill-quċċata meta fadal żewġ logħbiet għat-tmiem.

Min-naħa tagħhom, Senglea qed jirriskjaw bil-kbir li jiġu relegati wara li spiċċaw champions fl-istaġun li għadda.

Referee kien Darko Stankovic.

Gudja Wanderers taw l-ewwel telfa liċ-champions Għaxaq Wolves meta rebħulhom 2-1 fil-kampjonat tat-tieni diviżjoni.
Gudja kienu ferm dixxiplinati fid-difiża filwaqt li bdew itellgħu xi kontrattakki filwaqt li Għaxaq kellhom aktar mill-pussess għalkemm ftit setgħu jinfdu lid-difiża avversarja.

Kurt Borg poġġa lil Gudja minn fuq fl-24 minuta għalkemm Għaxaq ġabu l-iskor indaqs tliet minuti wara minn Marlon Farrugia.

Gudja skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa minn Andrew Cachia li sab ix-xibka fl-44 minuta.

Referee kien Alex Grech.

Żebbuġ Youngsters ħadu walkover fuq Birkirkara St Joseph wara li dawn tal-aħħar ma ppreżentawx ruħhom. Fl-istess waqt, il-Karkariżi jinsabu f’xifer li jiġu relegati meta baqgħu fl-aħħar post tal-klassifika biż-Żebbuġin li jieħdu ftit tan-nifs u jitilgħu aktar ‘il fuq.

Ħamrun Amateurs huma uffiċjalment promossi għat-tieni diviżjoni minkejja li ġew draw ta’ 1-1 kontra Kalkara Flames.

Kienu Kalkara li marru fil-vantaġġ fit-33 minuta permezz ta’ Orcun Saritas bil-Ħamruniżi li fetħu tajjeb it-tieni taqsima tant li ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Joyfred Farrugia.

B’hekk Ħamrun Amateurs irnexxielhom jiksbu din il-promozzjoni fit-tieni staġun tagħhom fil-MAFA.

Referees kien Peter Abela.

KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI

Swieqi Braves 22, Marsa St Michael 21, Valletta St Paul’s 19, San Ġwann Pro Evolution Academy, Balluta Barracudas 16, San Ġiljan Saints 15, Senglea Gunners 11, Valletta Stars 7.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI

Għaxaq Wolves 31, Attard Edex Kings , Mqabba Albions 18, Ta’ Ġiorni Wanderers 17, Gudja Wanderers 14, Żebbuġ Youngsters 12, Birkirkara St Joseph, Buġibba Club de SWAT 7.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI

Ħamrun Amateurs 21, Ħal Far Titans 16, Kalkara Flames 14, Naxxar Victorians 10, Mosta Vikings 3

Ekonomija

Sport